Lokali

Raġel fil-periklu tal-mewt wara ħabta bejn żewġ vetturi fil-Port Ħieles

Raġel ta’ 58 sena qed jissielet għal ħajtu wara li kien involut f’inċident bejn żewġ vetturi li jintużaw biex jinġarru containers fil-Port Ħieles.

L-inċident seħħ kmieni l-Ġimgħa filgħodu għall-ħabta tas-1:30 fil-Port Ħieles, Birżebbuġa.

Il-Pulizija marret fil-post u minn investigazzjonijiet li saru rriżulta li seħħet ħabta bejn dawn l-inġenji li kienu misjuqa minn raġel ta’ 30 sena residenti r-Rabat u raġel ta’ 58 sena residenti Marsaskala.

Ir-raġel ta’ 58 sena ġarrab xi ġrieħi u kien assistit minn tim mediku tal-post kif ukoll
mill-membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.

Huwa ttieħed l-isptar Mater Dei permezz t’ambulanza sabiex jingħata l-kura meħtieġa u aktar tard ġie ċċertifikat bi ġrieħi serji u li jinsab fil-periklu tal-mewt.

Bil-każ kienet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Gabriella Vella li ħatret inkjesta, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

Intant, fi stqarrija maħruġa mill-Freeport, intqal li minn naħa tagħhom qed jinvestigaw il-kawża tal-inċident.