Il-President tal-Parlament Ewropew kellha laqgħat importanti ma’ rappreżentanti tal-Awtoritajiet Palestinjani, tal-Libanu, il-Ġordan, l-Eġittu, l-Arabja Sawdija u l-Għaqda ta’ Stati Għarab. Il-laqgħa saret wara r-riżoluzzjoni li approva lbieraħ il-Parlament Ewropew waqt il-plenarja fi Strasburgu. Ir-riżoluzzjoni tappella għall-protezzjoni tan-nies, biex jieqaf it-terrur li għaddej, biex tingħata l-għajnuna umanitarja, u biex ikun żgurat li jkun hemm stabiltà fir-reġjun.
Din il-laqgħa tkompli fuq l-inizjattivi li ħadet Metsola matul l-aħħar jiem, fejn qed titkellem mal-awtoritajiet tar-reġjun fil-Lvant Nofsani. Qalet li l-Hamas ma jirrappreżentax l-aspirazzjonijiet leġittimi tal-Palestinjani u żiedet li s-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani qed tħasseb lil kulħadd. Kompliet li r-realtà li rat b’għajnejha hija tat-tkexkix, b’diversi ħajjiet ta’ nies innoċenti jinsabu taħt theddida.
Metsola qalet li l-Parlament Ewropew se jkompli jagħmel dak kollu possibli biex l-innoċenti ma jsofrux f’dan kollu.
Waqt is-sessjoni Plenarja ta’ din il-ġimgħa, Roberta Metsola qalet li l-Parlament Ewropew dejjem se jibqa’ jimbotta għal soluzzjoni li tkun ġusta u li permezz tagħha Iżrael u l-Palestina jkunu żewġ stati li jgħixu fil-paċi maġenb xulxin. Dan qalitu kemm meta indirizzat il-Parlament ta’ Iżrael, magħruf bħala l-Knesset, u anke meta marret Ramallah u ltaqgħet mal-President Palestinjan Abbas is-sena l-oħra. Qalet li dak li wettqu l-grupp terroristiku Hamas begħdu milli jinkiseb dan l-għan.
“Illum is-sitwazzjoni f’Gaza hija impossibbli għal ħafna. Se nibqgħu iffukati biex l-ostaġġi kollha jinħelsu, biex l-għajnuna umanitarja tasal għand dawk li għandhom bżonnha, biex iċ-ċittadini innoċenti ma jkunux fil-mira tal-attakki,” saħqet il-President Metsola. Kompliet li jeħtieġ jiġu mħarsa l’hekk imsejħa kurituri umanitarji, u biex tkompli d-diskussjoni mar-rappreżentanti leġittimi tal-poplu Palestinjan biex titnaqqas it-tensjoni fir-reġjun u z-zoni tal-madwar.