Lokali Qorti

Sirjani mixlijin b’rabtiet ma’ terroriżmu

Tliet irġiel Sirjani ntraċċati wara inkjesta maġisterjali dwar rapporti ta’ attività relatata mat-terroriżmu, l-Ġimgħa ġew akkużati b’ħasil ta’ flus, involviment f’organizzazzjoni kriminali u qsim ta’ materjal terroristiku. Dan hekk kif il-pulizija qed tkompli tinvestiga ċellola suspettata ta’ estremisti Iżlamiċi f’Malta.

Wieħed mill-irġiel, li ffaċċja l-akkużi iżgħar ta’ ħasil ta’ flus, ingħata l-libertà proviżorja fuq depożitu kbir ta’ €40,000 u garanzija personali ta’ €80,000. It-tnejn l-oħra nżammu taħt arrest preventiv. It-tliet irġiel tressqu l-Qorti b’rabta ma’ inkjesta li aktar kmieni din is-sena wasslet għal seba’ akkużi oħra ta’ suspettati li qasmu materjal relatat mat-terroriżmu.

Dik l-inkjesta kienet ingħalqet u mbagħad reġgħet infetħet. Bħalissa kienet għada għaddejja, qal l-avukat tal-AĠ Antoine Agius Bonnici fil-Qorti. L-ewwel li tressaq il-Qorti kien ċittadin Sirjan Ebrahem Ahmad ta’ 35 sena. Hu kien akkużat b’ħasil ta’ flus, li opera servizzi bankarji mingħajr liċenzja u involviment f’organizzazzjoni kriminali. Il-kaħħal li joqgħod il-Pieta’, wieġeb mhux ħati.

Meta l-avukati tiegħu talbu l-ħelsien mill-arrest, il-prosekuzzjoni oġġezzjonat qalet li l-investigazzjonijiet kienu għaddejjin u xi 30 persuna oħra għad iridu jiġu interrogati. Iżda dik l-oġġezzjoni wasslet għal rezzjoni qawwija mid-difiża u reazzjoni severa mill-qorti.

“L-akkużat kien fuq il-libertà proviżorja tal-pulizija għal xi sitt xhur u ma kien hemm l-ebda kwistjoni. Issa li tressaq il-qorti, qed tgħid li jista’ javviċina lix-xhieda,” sostnew l-avukat Nicholas Mifsud u l-prokuratur legali Colin Galea.

L-investigazzjoni kienet għadha għaddejja, irribattit il-prosekuzzjoni. “Ma niflaħx nisma’ din l-oġġezzjoni – li ‘l-investigazzjoni għadha għaddejja.’Nixtieq li tiġi b’xi ġustifikazzjoni aħjar,” osservat il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit.

“S’issa għandek tkun konxju tal-argumenti mqajma mid-difiża biex tiġġieled tali oġġezzjoni,” żiedet tgħid. Ir-raġel ingħata l-libertà proviżorja bil-kundizzjoni li ma jersaqx lix-xhieda tal-prosekuzzjoni, speċjalment ċivili, jiffirma l-bail book kuljum, jirrispetta curfew bejn il-11pm u s-6am, depożitu ta’ €40,000 u garanzija personali ta’ €80,000.