Lokali Qorti

Żagħżugħ bi problemi mentali mixli li seraq anzjan f’ħanut tax-xorb

Żagħżugħ ta’ 26 sena bi problemi mentali li xahar ilu ħareġ mill-isptar Monte Carmeli reġa’ kiser difrejh mal-liġi wara li ġie mixli li fit-8 ta’ Ottubru li għadda għall-ħabta tad-8.45pm. daħal f’ħanut tax-xorb f’Bormla, l-lokalita li minnha ġej l-akkużat u mbotta anzjan ta’ 81 sena u seraqlu madwar 45 ewro.

Jidher li l-anzjan kien qed jieħu ħsieb il-ħanut meta ż-żagħżugħ seraqlu l-flus mill-cash register. Hu ġie mixli ukoll li nhar it-Tlieta li għaddew għall-ħabta tal-5pm reġa’ daħal fl-istess ħanut li jinsab fi Triq Santa Tereża u seraq xi oġġetti, Akkużi oħra fil-konfront tal-akkużat kienu li kkaġuna ġrieħi ħfief fuq l-anzjan.

L-avukat tal-għajnuna legali Mario Caruana qal lill-Qorti li kien se jagħmel talba kemmxejn ikkumplikata fis-sens li l-klijent tiegħu għandu bżonn l-għajnuna. Qal li għandu storja ta’ problemi ta’ saħħa mentali u li kien jarah il-psikjatra David Cassar.

Il-prosekuzzjoni qablet ma’ dan u qalet li taqbel li hu jkompli jingħata l-għajnuna. It-talba li jkompli jingħata l-għajnuna kienet milqugħa u saret rakkomandazzjoni f’dan is-sens. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Lydon Zammit, Shawn Pawney u Kurt Farrugia mgħejjuna mill-Avukat Daniel Tabone, f’isem l-Avukat Ġenerali.