Lokali

Attività li tieħdok lura fis-Seklu 16

A Harbour of Nations, attività internazzjonali organizzata mill-Compagnia San Michele daħlet fit-tieni sena tagħha hekk kif wara li kienet ospitata fl-Italja s-sena li għaddiet, din is-sena qed issir f’pajjiżna.

Net News żar il-Palazz tal-Inkwiżitur u tkellem mal-membru tal-Compagnia, Matthias Ebejer li spjega li l-idea wara din l-attività hi sabiex jiġi apprezzat is-seklu 16, hekk kif tiffoka fuq il-perjodu tas-snin 1565 sal-1571 filwaqt li tiġbor nies li jispeċjalizzaw fl-istudju ta’ dan il-perjodu storiku.

Ebejer kompla jispjega kif attività bħal din, fejn jiġu diversi persuni minn barra minn xtutna fosthom minn Spanja u l-Italja, tirrikjedi ħafna preparamenti loġistiċi.

Qal li sabiex din l-attività tkun tista’ ssir, saru snin ta’ riċerka dwar dan il-perjodu storiku, fejn inġabru dokumenti minn arkivji dwar il-mod kif kienu jgħixu l-ħajja n-nies tas-seklu 16.

Din l-attività, li ilha għaddejja mill-Ġimgħa filgħxija u li hi maqsuma fuq tlett ijiem, hi miftuħa għall-pubbliku fil-Palazz tal-Inkwiżitur, fil-Birgu fejn wieħed seta’ jara ukoll rikrejazzjoni ta’ każijiet ċivili u kriminali li seħħew f’dawk iż-żminijiet.

Din l-attività tiġi fi tmiemha l-Ħadd filgħodu fl-Imdina, bis-sehem ta’ Heritage Malta.

Tags