Lokali

“Fil-maġġoranza tal-kumpaniji li jipproduċu l-bricks m’għandhomx ‘CE marking’ kif stabbilit mil-liġi Ewropea” – Peter Agius

Investigazzjoni li saret mill-kandidat għall-Parlament Ewropew, Peter Agius sabet kif 9 minn 11-il kumpanija li jipproduċu l-bricks f’Malta m’għandhomx ir-rekwiżiti u l-livell meħtieġ kif hu stabbilit mil-liġi Ewropea.

Il-liġi li daħlet fl-Ewropa fl-2013, li tipproteġi is-settur tal-kostruzzjoni, tgħid li kull materjal bħal bricks u travi irid jgħaddi minn ċerta testijiet u jkollu dak li hu magħruf bħala ‘CE marking’ qabel jinbiegħ.

Minkejja li dan hu obbligu għal kull kumpanija f’pajjiżi Ewropej, jidher li l-Gvern ftit li xejn għen lill-produtturi Maltin ta’ bricks u materjali oħra biex jilħqu l-istandards Ewropej. Tant li fil-maġġoranza tal-kumpaniji li jipproduċu l-bricks f’Malta m’għandhomx is-‘CE marking’.

Din l-investigazzjoni saret wara li rajna l-mewt ta’ żagħżugħ taħt it-tifrik ta’ sit ta’ kostruzzjoni lura f’Diċembru. Peter Agius qal kif diversi persuni f’dan is-settur li tkellmu miegħu qalu kif il-Gvern ma ta l-ebda inċentiv jew appoġġ biex l-industrija Maltija tgħolli l-istandards tagħha ma’ dak Ewropew.

Permezz ta’ stqarrija, Peter Agius qal li pajjiżna daħal fl-Ewropa kif nakkwistaw id-drittijiet u s-sigurtà meħtieġa, iżda l-Gvern mhux qed jagħmel il-parti tiegħu biex nieħdu d-drittijiet u l-benefiċċji tagħha.

Din l-investigazzjoni li saret se tkun qed tingħata lis-Segretarjat tal-Inkjesta Pubblika b’rabta mal-każ ta’ Jean Paul Sofia sabiex dan jidħol ukoll fir-rakkomandazzjonijiet tagħha għall-bidliet meħtieġa f’pajjiżna.