Futbol

Imut Sir Bobby Charlton – wieħed mill-aqwa plejers Ingliżi ta’ kull żmien

Bobby Charlton, rebbieħ tat-Tazza tad-Dinja mat-tim Ingliż fl-1966, miet is-Sibt filgħodu fl-età ta’ 86 sena.

Charlton kien wieħed mill-istilel tat-tim ta’ Manchester United illi rebaħ iċ-Champions League fl-1968 flimkien ma’ George Best u Denis Law. Mar-Red Devils Bobby Charlton skorja xejn anqas minn 249 gowl f’785 preżenza u rebaħ ukoll tliet darbiet dak iż-żmien il-First Division Ingliża.

Bobby Charlton kien wieħed milli salva meta l-ajruplan li kien fuqu t-tim ta’ Manchester United waqa’ fi Munich fis-6 ta’ Frar tal-1958 fejn kienu mietu 23 persuna.

Prodott tal-istess Manchester United, Sir Bobby Charlton fost oħrajn lagħab ukoll ma’ Preston North End u lejn l-aħħar tal-karriera tiegħu kellu żewġ esperjenzi fl-Awstralja ma’ Perth Azzurri u Blacktown City.

Bobby Charlton għadu mfakkar sal-lum bi prominenza kbira f’Old Trafford, u sa riċentament kien għadu jattendi għall-partiti tar-Red Devils.

Mat-tim nazzjonali Ingliż huwa lagħab total ta’ 106 partiti li matluhom skorja 49 gowl.