Wara l-attakk li seħħ it-Tnejn filgħaxija, attakk b’arma tan-nar li ħalla żewġ Żvediżi mejta fi Brussell, il-Ministru Belġjan tal-Ġustizzja ta r-riżenja mill-pożizzjoni tiegħu wara li kien ikkonfermat li l-aggressur ġie miċħud l-ażilju u kien ukoll imfittex għall-estradizzjoni mit-Tuneżija.
Il-Ġimgħa filgħaxija, il-Ministru Vincent Van Quickenborne qal li hu u xi uffiċjali oħra qegħdin jippruvaw jifhmu kif Abdesalem Lassoued kien sparixxa kompletament għal sentejn wara li kien miċħud l-ażilju, waqt li żid jgħid li dan kien żball inaċċettabbli.
Il-Ministru Belġjan b’dispjaċir kbir qal li m’hemm l-ebda skuża li tiġġustifika dan l-iżball u għalhekk huwa d-dover tiegħu li jiriżenja.
Intant, skont dokumenti uffiċjali, Lassoued kien applika għal ażil kemm fin-Norveġja, kif ukoll fl-Italja u l-Iżvezja. Hu kien baqa’ jgħix fil-Belġjum illegalment wara li l-applikazjoni ta’ ażil kienet miċħuda lura fl-2020.
//= $special ?>