Wara waqfa ta’ 20 ġurnata, minħabba l-impenji tat-timijiet Nazzjonali, illum jirritorna l-Kampjonat BOV Premier b’erba’ partiti, tnejn fl-Istadium Nazzjonali filwaqt li t-tnejn l-oħra jintlagħabu fit-Tony Bezzina Stadium. Wara li t-timijiet kollha lagħbu erba’ partiti huma biss Ħamrun Spartans u Floriana li jinsabu b’punti massimi fil-quċċata tal-klassifika, biż-żewġ timijiet se jkunu mpenjati llum, it-tnejn kontra timijiet neo-promossi, Floriana kontra Naxxar Lions filwaqt li ċ-champions Ħamrun jilagħbu kontra Sliema Wanderers.
Birkirkara vs Mosta | Illum, fit-3pm fl-Istadium Nazzjonali
Wara bidu inkonsistenti b’rebħa waħda mill-ewwel tliet logħbiet, qabel il-waqfa Birkirkara kisbu rebħa importanti ta’ 1-0 kontra Hibernians, liema rebħa poġġiethom fir-raba’ post b’7 punti, tlieta taħt Marsaxlokk u ħamsa taħt Ħamrun u Floriana. Bla dubju li rebħa kontra Mosta hija importanti biex it-tim immexxi minn Giovanni Tedesco jżomm il-pass mal-ewwel erbgħa u jerġa lura għall-forma li kien fiha l-istaġun li għadda. Minn naħa l-oħra Mosta kellhom bidu negattiv ikkumparat mal-wirjiet tal-istaġun li għadda hekk kif huma għadhom qed ifittxu l-ewwel rebħa meta minn erba’ ħarġiet ġew tliet darbiet draw u sofrew telfa għal total ta’ 3 punti. Fl-aħħar konfront Mosta spiċċaw fi draw ta’ 1-1 kontra Valletta f’partita bilanċjata li setgħet marret iż-żewġ naħat iżda l-Mostin m’għarfux iżommu l-vantaġġ li kisbu fl-ewwel taqsima u sofrew gowl kmieni fit-tieni taqsima li ċaħħadhom mill-ewwel rebħa tal-istaġun.
L-istaġun li għadda Mosta rebħu l-ewwel konfront filwaqt li fit-tieni rawnd il-partita spiċċat fi draw ta’ mingħajr gowls.
Floriana vs Naxxar Lions |Illum, fit-3pm fit-Tony Bezzina Stadium
Illum fl-istess ħin iżda fit-Tony Bezzina Stadium, Floriana jiltaqgħu kontra Naxxar Lions, konfront bejn żewġ timijiet li ġejjin minn rebħiet konvinċenti, bil-Greens jegħlbu lil Balzan 3-0 filwaqt li Naxxar kisbu l-ewwel rebħa tal-istaġun meta għelbu lil Santa Lucia 4-0. Minbarra li Floriana rebħu l-logħbiet kollha, s’issa huma bħal Ħamrun, għadhom ma sofrew l-ebda gowl u dan jikkonferma li mhux biss għandhom kwalità fid-dipartiment offensiv iżda jipposedu wkoll difiża b’saħħitha. Ovjament Floriana jibdew favoriti f’dan il-konfront iżda Naxxar jinsabu b’moral għoli wara r-rebħa kontra Santa Lucia u żgur li se jagħmlu minn kollox biex ikunu huma li jtellfu l-ewwel punti lill-iskwadra mmexxija minn Mauro Camoranesi. L-aħħar konfront bejn dawn it-tnejn imur lura għal Marzu tal-2018 meta dakinhar Floriana rebħu 2-0 b’doppjetta ta’ Mario Fontanella.
Santa Lucia vs Gudja United | Illum, fil-5pm fit-Tony Bezzina Stadium
Konfront bejn żewġ timijiet li għadhom bla rebħa, bil-qagħda ta’ Santa Lucia ija xi ftit aktar gravi fejn s’issa tilfu l-logħbiet kollha li lagħbu filwaqt li Gudja kisbu biss żewġ punti. Kif għedna anke f’artikli preċedenti, Santa Lucia jidher li dan l-istaġun se jkun wieħed diffiċli għalihom u wara tliet snin jiffrankaw ir-relegazzjoni minħabba ċirkostanzi differenti, jekk l-affarijiet mhux se jaqbdu triq oħra, dan l-istaġun jista’ jkun wieħed li jara lis-Saints jirritornaw fiċ-Challenge League wara ħames staġuni jilagħbu mal-kbar tal-futbol Malti. Gudja qabel il-waqfa sofrew telfa kbira ta’ 6-1 kontra Gżira United, liema telfa ħalliethom fl-aħħar pożizzjonijiet tal-klassifika. Jidher li anke Gudja se jkollhom triq għat-tela’ biex jevitaw li jkunu relegati u logħbiet bħal dawn iridu jirbħu bilfors biex kemm jista’ jkun jitilgħu ‘l fuq fil-klassifika. Wara dan il-konfront Gudja għandhom tliet logħbiet iebsin kontra Floriana, Hibernians u Balzan u għalhekk iridu minn tal-inqas jirbħu kontra Santa Lucia biex imbagħad jipprovaw ilaqtu xi ħaġa mil-logħbiet ta’ wara. L-istaġun li għadda Gudja rebħu darbtejn kontra Santa Lucia b’riżultati ta’ 3-1 u 3-0 rispettivament.
Ħamrun Spartans vs Sliema Wanderers | Illum, fil-5:15pm fl-Istadium Nazzjonali
Ħamrun Spartans jaffrontaw lil Sliema Wanderers fl-aħħar konfront tas-Sibt fl-Istadium Nazzjonali, konfront li għalkemm l-Ispartans se jkunu qed jibdew bħala favoriti żgur li mhux se tkun logħba faċli. Milli rajna s’issa, il-marka ta’ Paul Zammit fl-iskwadra ta’ Sliema Wanderers qed tidher hekk kif il-Blues dejjem dehru organizzati u minbarra ż-żewġ rebħiet li kisbu kontra Valletta u Mosta, fiż-żewġ telfiet kontra Birkirkara u Marsaxlokk kellhom il-mumenti tagħhom u b’naqra aktar xorti tajba setgħu anke ħadu xi ħaġa minn dawn il-logħbiet. Zammit se jkollu nieqes lid-difensur Neil Frendo li kontra Marsaxlokk tkeċċa wara li dabbar it-tieni karta safra. Ħamrun kellhom bidu mill-aqwa fil-kampjonat meta rebħu l-logħob kollu s’issa fejn skorjaw 12 u ma qalgħu l-ebda gowl. Wara l-esperjenza Ewropea u wara r-rebħa minima ta’ 1-0 kontra Balzan fl-ewwel logħba, ħafna kienu qed jikkritikaw l-abiltajiet tal-barranin ta’ Ħamrun kif ukoll tal-kowċ Luciano Zauri, iżda mbagħad kisbu tliet rebħiet konvinċenti li reġgħu nibdu l-kunfidenza fil-plejers kif ukoll fil-partitarji li reġgħu qed jemmnu li l-Ispartans jistgħu jirbħu t-tieni kampjonat konsekuttiv u l-għaxar wieħed fl-istorja. L-aħħar li ltaqgħu dawn iż-żewġ timijiet kienu Ħamrun li ħarħu rebbieħa 3-1 fl-istaġun 2021/22.
Marsaxlokk vs Valletta | Għada, fil-11am fis-Centenary Stadium
B’10 punti u fit-tielet post tal-klassifika, jidher ċar li l-investiment li sar mill-kumitat immexxi mill-President ħabrieki Frank Cachia qed iħalli l-frott għal Marsaxlokk li sa’ issa għalkemm għadna ma rajnihomx jilagħbu mal-aħajar timijiet, wieħed xorta seta’ jinnota l-għaqda u d-determinazzjoni fl-iskwasdra mmexxija minn Winston Muscat. Dan seta’ jkun innotat ukoll fl-aħħar partita kontra Sliema Wanderers fejn f’partita mill-aktar diffiċli u b’temperament għoli b’gowl fit-83 minuta irnexxielhom jieħdu dak li riedu u jiksbu t-tielet rebħa minn erbgħa. Marsaxlokk se jkollhom nieqes lil Anthony Obonogwu li tkeċċa kontra Sliema. L-avversarji huma Valletta, l-ewwel tim li biddel il-kowċ dan l-istaġun fejn wara li minn erba’ logħbiet rebħu biss darba, l-amministrazzjoni għażlet li ttemm il-kuntratt ta’ Thane Micallef biex ftit jiem wara ħatret lill-eks Santa Lucia u Floriana Enzo Potenza. Potenza kellu l-vantaġġ li għalkemm daħal f’tim bi staġun diġa’ mibdi, inħatar fil-waqfa internazzjonali u se jkun ħadem mal-iskwadra għal madwar 15-il ġunrata fejn nieqsin kellu biss lil Brandon Paiber u Jake Galea li kienu parti mill-iskwarda ta’ Marcolini. Wieħed irid jara issa x’impatt se jkun qed iħalli t-Taljan u jekk din il-bidla hux se tissarraf f’punti biex Valletta jispiċċaw dan l-istaġun f’pożizzjoni aktar li jixraq lil dan il-klabb glorjuż. L-istaġun li għadda Valletta rebħu l-ewwel konfront filwaqt li f’April l-iskor bejn dawn iż-żewġ timijiet spiċċa fi draw ta’ 1-1.
Hibernians vs Balzan | Għada, fit-3pm fit-Tony Bezzina Stadium
Konfront li mistenni jkun wieħed bilanċjat huwa dak ta’ għada bejn Hibernians u Balzan, bil-Pawlisti se jkunu qed jilagħbu fl-istadium tagħhom, it-Tony Bezzina Stadium. Żewġ timijiet li għandhom 6 punti kull wieħed li t-tnejn kisbuhom b’żewġ rebħiet filwaqt li t-tnejn li huma sofrew żewġ telfiet. Wara bidu mill-aqwa b’żewġ rebħiet, Hibernians se jkunu ġejjin minn żewġ telfiet fl-aħħar ħarġiet tagħhom kontra Floriana u Birkirkara rispettivament u għalhekk xejn inqas minn rebħa ma tissodifa lil Branko Nisevic biex Hibernians jibqgħu fil-parti ta’ fuq tal-klassifika biex eventwalment ikunu qed jisfidaw għall-post fl-Ewropa. L-istess jista’ jingħad għal Balzan li qiegħdin f’sitwazzjoni simili ħafna fejn fl-aħħar logħba tilfu 3-0 kontra Floriana. Bla dubju li fl-attakk ta’ Balzan baqgħet tinħass l-assenza ta’ Torres hekk kif s’issa skorjaw biss żewġ gowls f’żewġ rebiet minimi ta’ 1-0. Oliver Spiteri għandu sospiżi lil captain Paul Fenech u lid-difensur Andre Prates. L-istaġun li għadda fiż-żewġ konfronti ta’ bejniethom, Hibernians u Balzan kisbu rebħa kull wieħed.
Gżira United vs Sirens | Għada, fil-5pm fit-Tony Bezzina Stadium
Fl-aħħar konfront, Gżira United kisbu l-ewwel rebħa fil-kampjonat, rebħa li waslet bi kbir meta għelbu lil Gudja United bl-iskor ta’ 6-1. Bla dubju li Darren Abdilla u sħabu se jkunu qed jittamaw li din ir-rebħa terġa trabbi fil-plejers il-kunfidenza biex minkejja li l-iskwadra ddgħajjfet mill-istaġun li għadda, l-isem Gżirjan fl-ogħla diviżjoni tal-futbol Malti jibqa’ ‘l fuq kemm jista’ jkun u ma jkunx hemm biża li t-tim javviċina lejn l-aħħar erba’ timijiet fil-klassifika. Għal kontra Sirens, Abdilla se jkollu nieqes plejer importanti, lid-difensur Brażiljan Gabriel Bohrer li għaqqad erba’ karti sofor u għalhekk jinsab sospiż logħba. Sirens huwa tim ieħor minn dawk li għadu ma rebaħ l-ebda konfront u għandu biss punt li kiseb fi draw ta’ 1-1 kontra Mosta. Ftit tista tgħid fuq Sirens f’dan l-istaġun li jidher li s’issa il-proġett Ghana mhux qed iħalli l-frott mixtieq bit-tim minn San Pawl il-Baħar jiskorja biss 2 gowls filwaqt li sofra 10. Steve D’Amato għandu sospiż lid-difensur Daniel Opoku li tkeċċa kontra Ħamrun Spartans. L-istaġun li għadda Gżira rebħu darbtejn kontra Sirens, 3-0 u 1-0 rispettivament.
//= $special ?>