Lokali

L-MŻPN tiċċelebra 65 sena ta’ ħidma, progress u rappreżentanza

65 sena ta’ ħidma.
65 sena ta’ progress.
65 sena ta’ rappreżentanza.

Għaddew 65 sena mindu twaqqaf il-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista, magħruf ukoll bħala MŻPN, moviment li sa mill-1958 ħadem favur iż-żgħażagħ u b’mod speċjali għal ġid ta’ pajjiżna f’isem il-Partit Nazzjonalista.

B’tifkira għax-xogħol li sar tul dawn l-aħħar snin, l-MŻPN ħasbu li jtellgħu attività fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista, bil-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech tkellem dwar il-kisbiet li twettqu, bi storja twila mminn dawk ta’ qabilna li waslet biex Malta tikber għas-suċċess li naraw illum.

Bernard Grech qal li s-sitwazzjoni kurrenti jeħtieġilha bidla immedjata biex il-poplu Malti u Għawdxi jerġa’ jingħata l-għajnuniet neċessarji ħalli jimxi ‘l quddiem, u b’hekk ikolna Ħajja Aħjar f’Pajjiżna. Huwa żied jgħid li llum il-ġurnata spiċċajna naraw vjolenza fil-konfront tal-poplu, li hi waħda differenti minn dik li għaddejna minnu fis-snin 70 u 80.

L-eks deputat Nazzjonalista, it-tabib Josie Muscat kien mistieden speċjali matul din l-attività bħala l-ixjeħ President tal-MŻPN minn dawk li għadhom fostna. Matul id-diskors tiegħu, huwa qal kif ħidmet il-Moviment waslet għal-libertà u l-ġustizzja, filwaqt li appella biex il-ħidma tibqa’ għaddejja.

Il-President tal-MŻPN, Miriana Calleja Testaferrata de Noto qalet li ż-żgħażagħ huma l-preżent u l-futur ta’ pajjiżna u b’hekk il-ħidma tal-MŻPN se tissokta biex il-messaġġ tal-Partit Nazzjonalista jasal għand iż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin kollha.

Id-Deputat Nazzjonalista, Bernice Bonello tkellmet dwar l-importanza taż-żgħażagħ fis-soċjetà Maltija, filwaqt li appellat biex kull persuna taħdem flimkien favur pajjiż aħjar għall-ġenerazzjonijiet futuri.

Preżenti għal din l-attività kien hemm diversi deputati Nazzjonalisti, kandidati għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, u anke eks-membri tal-MŻPN.