Lokali

150 sena mit-twaqqif tas-Società Filarmonica La Valette

Il-Ħadd filgħodu ġiet iċċelebrata quddiesa solenni fl-okkazzjoni tal-ftuħ tal-festi tal-150 sena mit-twaqqif tal-ewwel banda tal-Belt Valletta – is-Società Filarmonica Nazionale La Valette, fil-Kolleġġjata ta’ San Pawl Nawfraġju fil-Belt Valletta.

Din il-quddies kienet imexxija mill-Monsinjur u Rettur tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann Paul Carmel Vella, flimkien mal-Kapitlu tal-Kolleġjata u r-retturi tal-knejjes tal-Blet Valetta.

Waqt l-omelija, il-Monsinjur Paul Carmel Vella għamel referenza għall-egoiżmu tal-bniedem li ħakem kull soċjetà li teżisti u kaġun ta’ dan, bħalissa qegħdin jinqatlu eluf ta’ persuni innoċenti kemm fil-gwerra li qed tidomina l-Lvant Nofsani, kif ukoll l-avvanżi Russi fuq l-Ukrajna.

Huwa insista li s-soċjetajiet tal-bniedem qegħdin jikrollaw – dan anka minħabba l-fatt li fost ħafna affarijiet oħrajn, neħħejna id-dritt li tarbija tgħix. Għaldaqstant appella sabiex inħallu l-kelma t’Alla tinżel f’qalbna ħalli nneħħu l-għammad minn għajnejna.

Intant, bid-daqq tal-banda minn ‘La Valette Ensemble’, taħt direzzjoni tal-Assistent Surmast James Chappell, wieħed seta’ japprezza t-talent tas-Sopran Rosabelle Bianchi u t-tenur Georg Zammit li akkumpanjaw dan l-avveniment tant speċjali għal din is-Soċjetà.

Net News tkellem ma’ Jonathan Grima, il-President tas-Società Filarmonica Nazionale La Vallette.

Preżenti għal dan l-avveniment kien hemm il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, flimkien mas-sinjura tiegħu Anne Marie Grech, Deputati tal-Partit Nazzjonalista u kunsilliera tal-lokal f’isem il-Partit Nazzjonalista.