Lokali

Dilettanti ta’ passatemp ikollhom joqogħdu lura min-namra li għandhom minħabba l-għoli tal-ħajja

“Qegħdin ngħixu f’sitwazzjoni fejn min għandu delizzju jew namra ta’ xi ħaġa – tkun xi tkun u minn dawn f’pajjiżna għandna ħafna u din hi xi ħaġa sabiħa ħafna – qiegħed ikollu joqgħod lura milli jipprattika d-delizzju jew in-namra li għandu minħabba l-għoli tal-ħajja.

“Naf b’persuni li għaliex huma bil-għaqal biex jassiguraw li l-flus li jdaħħlu jonfquhom fil-bżonnijiet tad-dar u tal-familja, allura qegħdin jispiċċaw jiċċaħħdu mid-delizzju jew namra li għandhom. Qabel ma splodiet din il-kwistjoni tal-għoli tal-ħajja, dawn kienu tip ta’ nies li meta kienu jaqilgħu l-paga tagħhom kienu jinvestu xi ħaġa żgħira minnha fid-delizzju jew in-namra tagħhom; f’xi kollezzjoni li għandhom u li forsi tmur lura ħafna u ħafna snin.

“Issa bil-problema tal-għoli tal-ħajja dawn in-nies qegħdi jispiċċaw jiċċaħħdu anki minn dawn l-affarijiet żgħar iżda li fl-istess ħin huma

affarijiet kbar għalihom għaliex għalihom huma affarijiet mill-aktar għeżież u prezzjużi.”

Dan qalu Charles Azzopardi, id-Deputat Nazzjonalista li hu l-Kelliem dwar id-Delizzji, meta fil-jiem li għaddew tkellimna dwar kif id-delizzji qegħdin jintlaqtu huma wkoll mill-għoli tal-ħajja fejn kollox qiegħed ikompli jogħla mingħajr ebda tip ta’ kontroll u dan kollu għaliex il-Gvern Laburista qiegħed ifalli milli jirnexxielu jagħmel xi forma ta’ kontrolli biex jipproteġi lill-familji Maltin u Għawdxin.

Charles Azzopardi beda biex qal li dan mhux aktar iż-żmien li wieħed jagħlaq għajnejh. Pjuttost bil-kontra. Għall-kuntrarju hu ż-żmien li trid tiftaħ għajnejk u taqra s-sinjali taż-żminijiet.

“Qegħdin ngħixu realtà surreali fejn il-Gvern kompla jagħmel li jrid; jabbuża mill-poter u jipperikola l-ħajja tal-familji Maltin u Għawdxin. Il-Gvern għandu l-obbligu li jħares bis-serjetà lill-familji tagħna u jindirizza darba għal dejjem il-fenomenu tal-għoli sproporzjonat tal-ħajja. Irid jaqta’ t-tberbiq żejjed, il-ħala u jagħti widen għall-prijoritajiet li jeħtieġ il-pajjiż. Biex jagħmel dan l-ewwel irid ipoġġi d-dar tiegħu f’ordni u jara li pajjiżna jerġa; jikseb lura r-rispett, il-kredibilta’ u l-istima li kellu.”

Hu qal li issa wasal iż-żmien li l-interess nazzjonali jiġi l-ewwel u qabel kollox. Dan il-poplu ma jistax ikompli jiġi ta’ kuljum misruq minn Gvern li tilef il-boxxla u li u li nħakem minn arja ta’ indifferenza.

“Infakkar fil-kliem tal-Ministru tal-Finanzi waqt il-qari tiegħu tal-Baġit is-sena li għaddiet fejn saħaq li l-Gvern ma jistax jonfoq minn dak li m’għandux. Fl-istess waqt matul dawn l-aħħar ħdax-il xahar il-Gvern kompla jiddejjen u jgħaddi l-eluf ta’ ewro li dawk magħżulin minnu u tal-qalba biex ikomplu jistagħnew waqt li l-poplu jkomplu jiftaqar aktar.”

Charles Azzopardi kompla li hu “tort tad-deċiżjonijiet żbaljati li ħa l-Gvern f’isem il-poplu, huwa l-istess poplu int u jien, li qed inħallsu għall-inkompetenza tal-Gvern, għall-ispalpaljar, għall-iskandli wieħed wara l-ieħor u għall-iżbilanċ inġust li ma jirrispettax it-taxxi li nħallsu aħna.

“Tidher dejjem aktar ċara u evidenti r-rabja tal-poplu kontra l-aġir tal-Gvern Laburista li qiegħed ikompli jberbaq flusna u jċaħħadna mid-dritt għall-ħajja bi kwalita’ deċenti.

“Matul is-sajf l-Gvern kompla jberbaq flusna u jgħaddi l-eluf f’pagi fix-xahar lil dawk tal-qalba, direct orders ta’ eluf ta’ ewro u aktar iffangar bla preċedent ta’ minn xi wħud. Il-korruzzjoni li qed naraw mil-Labour fil-Gvern għandha effett dirett negattiv fuq il-kwalita’ tal-ambjent, tas-saħħa, tas-servizzi, tal-infrastruttura, tal-edukazzjoni u tat-tmexxija inġenerali ta’ pajjiżna.”

Hu fakkar li kważi sena ilu, l-istess Ministru tal-Finanzi ammetta li l-mudell ekonomiku tal-Gvern li hu imbotta u li kien pjunier tiegħu falla, però l-Gvern baqa’ ma bidilx ir-rotta. Huwa fatt li bil-popolazzjoni li għandu llum pajjiżna għandna problema ta’ infrastruttura , aħseb u ara meta se tkompli tiżdied il-popolazzjoni u taqbeż it-800,000 ruħ. Qegħdin neħlu fit-traffiku l-ħin kollu, aħseb u ara jekk se tkompli tiżdied il-popolazzjoni. Hemm bżonn pjan ekonomiku alternattiv li jkattar il-ġid bla ma jkun ibbażat fuq l-importazzjoni tac-cheap Labour. Dan qiegħed iwassal għall-pressjoni kbira fuq l-infrastruttura preżenti.

“Qegħdin ngħixu realtà fejn qegħdin inħossuna fgati f’pajjiżna stess, b’poplazzjoni esaġerata li l-pajjiż ma jiflaħx u għoli tal-ħajja li iktar ma jmur qed tiżdied,” fisser Charles Azzopardi.

Hu kompla li hija evidenti wkoll n-nuqqas ta’ viżjoni tal-Gvern li jtaffi mit-tbatijiet li għaddejin minnhom il-familji Maltin u Għawdxin. Il-Gvern huwa wisq okkupat jipprova jara kif ħa jiddilja mal-kriżijiet u l-iskandli li jinħolqu ta’ kuljum minflok jara kif ħa jeredika l-preżż għoli li qed inħallsu tal-għoli tal-ħajja.

“Flimkien ma’ dan kollu qegħdin inħallsu għall-korruzzjoni lampanti li hija taxxa oħra li qiegħed jagħmel tajjeb għaliha min huwa bieżel u min qiegħed jikkontribwixxi permezz tat-taxxa.”

Il-Gvern ma jista’ qatt ikollu pjan biex jiġġieled l-għoli tal-ħajja għax hu stess qiegħed jitħanżer u jiffanga. Dan kienet irreferiet għalih Rosianne Cutajar meta qalet li kulħadd qiegħed jitħanżer. Il-Partit Nazzjonalista minn żmien ilu ressaq diversi proposti biex negħlbu l-problema tal-għoli tal-ħajja, sewwa qabel l-elezzjoni ġenerali u fil-pre-budget document u anke fl-aħħar xhur, kompla Charles Azzopardi.

Il-Partit Nazzjonalista ilu jisħaq li hemm bżonn ħolqien ta’ mudell ekonomiku ġdid b’setturi ġodda li jimmiraw xogħolijiet ta’ kwalita’ u li jħallsu aktar lill-ħaddiema tagħna. Li l-allowance tal-COLA ma

jkunx taxxabbli. Kif ukoll li l-Gvern jagħti inċentivi fiskali biex jikkumbatti għaż-żidiet tal-għoli tal-ħajja. Hemm il-ħtieġa wkoll ta’ b’budget annwali biex jappoġġja lill-industrija li timporta jew tesporta u dan biex jagħmel tajjeb għall-impatt tal-għoli tal-ħajja.

Fl-aħħar għaxar snin il-Gvern tal-Labour kien irresponsabbli b’fondi pubbliċi u d-dejn tal-pajjiż illium ilaħħaq madwar €9,400 miljun. Dan mhux Gvern tal-ħaddiema u lanqas Gvern Soċjalista, il-ħaddiema ġew injorati u l-familji l-aktar fil-bżonn ġew abbandunati. Dan huwa Gvern indifferenti u passiv għat-tbatijiet tan-nies l-aktar fil-bżonn u vulnerabbli.

Dan il-Gvern għażel lill-kbir u lill-barrani u ċaħad lill-Maltin. Ipprefera jgħaddi aktar minn €400 miljun għall-kumpaniji barranin, f’kuntratt frawdolenti għall-tliet sptarijiet tal-poplu, fejn Deputati tal-Labour u dawk qrib Robert Abela igawdu u jiffangaw, milli jħares l-interess taż-żgħir.

Jekk tistaqsi liż-żgħażagħ jgħidulek li qatgħu qalbhom minn dan l-pajjiż u li mhux qegħdin jaraw ġejjieni li jagħtihom futur xieraq u prosperita’ mibija fuq l-opportunitajiet, l-għaqal u l-meritokrazija. Saret ferm diffiċli għalihom li jkollhom il-post tagħhom. Kważi impossibbli li jixtru l-ewwel propjetà, qegħdin isibuha diffiċli biex ikunu jistgħu jiddejnu mal-banek u għax ma jaffordjawx ikollhom jidħlu fil-kera.

Il-wegħda ta’ dan il-Gvern kienet dik li ż-żgħażagħ tagħna jkollhom is-serħan tal-moħħ u li jingħataw is-sostenn kollu meħtieġ biex ikollhom garanzija ta’ saqaf fuq rashom. Dan il-moviment fil-Gvern minflok interessah mill-preżent u l-ġejjieni ta’ wliedna ra kif ikompli jgħaddi l-kummissjonijiet lin-nies tal-qalba, jagħti l-konsulenzi bl-eluf, iżid il-persons of trust, jixxala minn fuq darna u jkompli jissussidja l-miljuni tal-ewro lill-Electrogas (Socar).

Ftit tal-ġimgħat ilu nsiru li l-Gvern sa anke nqeda bl-għoti tal-benefiċċji soċjali billi għadda flus lill-persuni mhux intitolati biex jieħdu dan il-benefiċċju. Dan għamlu biex jixtri l-voti u jkompli jkompli jiggarantixxi li akkost ta’ kollox jibqa’ ggranfat mal-poter.

Dan il-Gvern għax għandu l-mandat elettorali jaħseb u jippretendi li jista’ jagħmel li jrid u li ħadd ma jista’ għalih. Wieħed jistaqsi lilu nnifsu, x’baqagħlu jagħmel aktar dan il-Gvern biex ikompli jżid aktar

mad-deċenju ta’ korruzzjoni li Malta għaddiet minnha matul dawn l-għaxar snin.

Charles Azzopardi kompla li din hija l-politika soċjali li tant tkellem a dwarha dan il-Gvern li juri ruħu taparsi Laburista? Dan il-moviment Laburista fil-Gvern ħataf l-istituzzjonijiet f’idejh u ġabhom għodda f’idu biex jinqeda bihom kif jeħtieġ lilu. Dan l-Gvern żarma dak li bnew Gvernijiet Nazzjonalisti preċedenti u dgħajjef id-demokrazija li kienet n-normalità li toffri pajjiż seren u denju.

“Sirna il-pajjiż ġungla fejn ħadd ma jerfa’ r-responsabilità politka. Fejn l-istituzzjonijiet minflok jaħdmu spiċċaw jaħdmuna. Fejn min hu b’saħħtu jħawwel u jibqa’ għaddej romblu minn fuq kulħadd. Ninsabu ngħixu fi żmien importanti u kruċjali fejn hemm bżonn ta’ bidla fit-tmexxija ta’ dan il-pajjiż. Ma nistgħux inkomplu nissugraw il-ġejjieni tagħna.

“Irridu niggarantixxu li jkollna parzjalità mill-istazzjon Nazzjonali. Il-PBS ma jistax ikompli jnaqqar id-dritt tal-poplu Malti u Għawdxi li jirċievi l-informazzjoni kollha, korretta, veritiera u parzjali.

Dan hu Gvern li minna jistenna li nagħmlu s-sagrifiċċji, li fejn hemm bżonn nissukkaw iċ-ċinturin, li nnaqqsu mill-konsum tal-enerġija u li nistennew ix-xhur jekk mhux is-snin biex nagħmlu operazzjoni li jeħtiġilna fl-Isptar.

“Waqt li aħna bħala ċittadini għandna l-obbligi u d-drittijiet, il-Gvern qiegħed hemm biex jaqdi poplu sħiħ u jara li ħadd ma jibqa’ lura. Ma nistgħux inkomplu ngħixu bl-iskossi għaliex il-gvern jieħu deċiżjonijiet ħżiena. Ħajja aħjar ma tiġix mix-xejn, imma hija dejjem riżultat ta’ politika ċara, bi ħsieb u direzzjoni. Din hija l-problema fundamentali fit-tmexxija ta’ dan il-Gvern. Il-Gvern ma jista’ qatt isolvi l-problemi li ħoloq huwa stess. Kif jista’ dan il-Gvern ikun darba kredibbli meta kuljum nisimgħu b’xi ħaġa ġdida li tħammrina wiċċna u li terġa’ titfagħna lura,” fisser Charles Azzopardi.

L-akbar marda li għandu l-pajjiż bħalissa hija t-tkissir tad-demokrazija. Għadna kif smajna ftit tal-gimgħat ilu dwar l-allegazzjoni li ħarġet dan l-aħħar dwar ix-xiri tal-voti. Minn dakinhar sa llum il-Prim Ministru Robert Abela u l-Kummissarju tal-Pulizija ma għamlu xejn. Is-skiet li jtarrax mill-Kummissarju tal-Pulizija qiegħed għal darb’oħra jikkonferma li dan il-pajjiż ma jistax jibqa’ jersaq aktar lejn ix-xifer.

Dan kollu qiegħed iwassal biex il-poplu qiegħed jifhem li hemm bżonn bidla radikali fit-tmexxija ta’ dan il-pajjiż. Il-pajjiż jeħtieġlu llum qabel għada mudell politiku bbażat fuq il-fiduċja. Il-poplu Malti u Għawxi tilef il-fiduċja fit-tmexxija tal-Gvern preżenti. Qegħdin mill-ġdid nesperjenzaw pajjiż fejn in-nuqqas ta’ demokrazija u nuqqas ta’ governanza tajba qegħdin iwasslu għall-effett negattiv u devastanti fuq l-aspetti soċjali.

Mingħajr demokrazija sħiħa ma jkunx hawn ġustizzja soċjali, id-drittijiet tal-ħaddiem jibdew jitnaqqru u l-kwalita’ tal-ħajja tkompli tiddeterjora kif ilna naraw għal dawn l-aħħar snin. Il-Gvern Laburista naqas milli jħares dawn il-komponenti ewlenin li jsawwru s-soċjetà.

Il-futur ta’ pajjiżna jiddependi mill-Partit Nazzjonalista u li jkun fil-gvern kemm jista’ jkun malajr. Il-poplu qiegħed jitkellem, il-poplu qiegħed jinġabar fil-pjazez, quddiem Kastilja u quddiem il-Parlament, għax il-poplu jrid il-bidla. Il-poplu huwa diżilluż bit-tmexxija arroganti u nieqsa mis-soluzzjonijiet u mill-impenn politiku tal-Gvern favur is-sewwa.

“Irridu pajjiżna lura. Irridu l-Parlament lura għand il-poplu. Ma nistgħux nippermettu aktar il-Gvern Laburista li jqis u jitratta lill-Parlament bħala istituzzjoni li qiegħda hemm biex tiddiskuti u tapprova biss dak li jrid il-Gvern. Għalhekk bir-raġun li l-poplu huwa mħasseb bil-mod kif qed jittieħdu d-deċiżjonijiet u kif qed jitmexxa pajjiżna,” temm Charles Azzopardi.