Spiss ħafna qegħdin ikunu l-ilmenti mill-Għawdxin u mill-Maltin li jżuru lil Għawdex, li l-Gvern Laburista qiegħed jittraskura lil Għawdex sal-punt li spissi ħafna huma ż-żoni mitluqa u abbandunati.
Hu stat ta’ fatt li sfortunatament din il-ġawhra unika fil-gżejjer Maltin m’għadhiex li kienet. Illum Għawdex hu kkaratterizzat minn bini tieqa ’l hawn u ’l hinn, żviluppi bla kontroll ta’ xejn, kmamar jinbtu mil-lum għal għada f’għelieqi u f’raba’ mingħajr ebda permess, postijiet maħmuġa… Dan kollu hu sfreġju bla bżonn għal Għawdex għaliex l-Għawdxin iridu li din il-gżira tkun waħda ta’ għira għal kulħadd.
Mhux ta’ b’xejn li reċentement anki d-Deputat Laburista Abigail Camilleri ikkritikat bil-qawwa kollha lill-Gvern ta’ Robert Abela, inkluż lill-Ministru Clint Camilleri, għar-rigward tat-telqa u sfreġji li hemm f’Għawdex… liema sitwazzjoni hi waħda tat-tħassib kbir għall-istess Għawdxin li xejn ma jieħdu gost bit-telqa u l-abbandunar tal-gżira Għawdxija.
Każ tipiku hi t-telqa kbira li jinsab fiha l-Ġnien tat-Tliet Għoljiet li hemm f’Marsalforn fejn residenti u familji li jiffrekwentaw l-inħawi ilhom qatigħ jiġbu l-attenzjoni tal-awtoritajiet konċernati – tal-Ministeru għal Għawdex – iżda kull karba taqa’ biss fuq widnejn torox.
Dwar dan il-ġnien tkellimt mal-Kunsillier Nazzjonalista Daniel Cordina li kkonferma kif residenti u familji minn diversi rħula madwar Għawdex spiss jiġbdulu l-attenzjoni dwar l-istat ħażin li jinsab fih dan il-ġnien li suppost hu maħsub biex ikun ġnien ta’ rikreazzjoni għall-familja kollha… b’mod partikulari għal dawk il-familji bit-tfal żgħar.
Daniel Cardona fisser li iżda sfortunatament il-Gvern Laburista mhux jagħti importanza lill-veru bżonnijiet ta’ Għawdex tant li dan il-ġnien illum jinsab mitluq u abbandunat u dan minkejja li diversi drabi l-Ministeru għal Għawdex inġibditlu l-attenzjoni biex jirrimedja s-sitwazzjoni.
Illum dan il-ġnien spiċċa biex qiegħed jintuża minn persuni għal skop ta’ abbuż mid-droga, minn żgħażagħ barranin li jinġabru fih filgħaxijiet sat-tard u jagħmlu ħafna storju b’inkonvenjenzi għar-residenti… Dan u ferm aktar m’għandux ikun u l-awtoritajiet għandhom jaraw kif se jirrimedjaw is-sitwazzjoni.
Hu kompla li kulmin illum iżur dan il-ġnien, se jsib bandli mkissra, twapet maqlugħa, nuqqas ta’ dawl, ħmieġ, ħaxix ħażin li ilu ma jinqata’ żmien twil… bir-raġun kollu li r-residenti huma inkwetati b’dak kollu li qiegħed jiġri f’dan il-ġnien li llum spiċċa f’post ta’ telqa kbira. U dan m’għandux ikun għaliex il-Ministeru għal Għawdex spiss kien infurmat b’dak kollu li qiegħed jiġri, iżda ħadd ma ħa l-briga biex l-affarijiet jitranġaw.
Daniel Cordina kompla li min-naħa tiegħu l-Kunsill Lokali Żebbuġ kemm-il darba wkoll ipprova jattira l-attenzjoni tal-Ministeru għal Għawdex biex tittieħed xi forma ta’ azzjoni, inkluż biex tal-inqas dan il-ġnien ma jibqax iservi ta’ post għall-abbużi fid-diversi forom tagħhom. Iżda anki f’dan il-livell kull karba waqgħet fuq widnejn torox għax ma ttieħdet l-ebda inizjattiva biex is-sitwazzjoni titranġa.
Min-naħa tiegħu l-Kunsill Lokali Żebbuġ qiegħed ikompli jisisti mal-Ministru għal Għawdex biex mingħajr aktar tkaxkir tas-saqajn jagħlaq l-aċċess għal dan il-ġnien, b’mod partikulari filgħaxijiet u bil-lejl biex ma jkomplux jitwalu l-inkonvenjenzi għar-residenti.
Sadattant għandu jimbarka fuq ix-xogħlijiet meħtieġa biex dan il-ġnien ikun rinnovat u mogħti l-ħajja mill-ġdid mill-ħafna vandaliżmu li hemm bħalissa. Dwar dan il-Kunsill Lokali Żebbuġ fil-jiem li għaddew saħansitra reġa’ kiteb lill-Ministeru għal Għawdex… iżda anqas biss risposta ma ntbagħtet lura lill-Kunsill mill-Ministeru!
Dwar dan il-ġnien tkellimt ukoll mal-Kunsillier Baskal Saliba li kkonferma l-istat ħażin li jinsab fih dan il-ġnien u qal li r-residenti bir-raġun kollu li juru l-ilmenti u r-rabja tagħhom għall-fatt li l-Gvern Ċentrali jħalli kollox jiddeterora u sejjer minn ħażin għall-agħar minflok ma jassigura li jagħti l-ħajja mill-ġdid lil dan il-ġnien biex ikun jista’ jitgawda minn kulħadd.
Daniel Cordina u Baskal Saliba temmew jappellaw lill-Ministeru għal Għawdex biex jieħu dawk l-azzjonijiet meħtieġa u mixtieqa u dan mingħajr aktar dewmien u tkaxkir tas-saqajn biex dan il-ġnien jingħata mill-ġdid il-ħajja u d-dehra li tixraqlu.
//= $special ?>