Il-Gvern u l-Partit Laburista ta’ Robert Abela qiegħed ikompli jeskala l-attakk tiegħu fuq l-importaturi, in-negozjanti u d-distributuri li skont hu qegħdin jikkontribwixxu għall-għoli tal-ħajja.
Imma issa importaturi, negozjanti u distributuri spiċċaw saħansitra mgħajra “mejta bil-ġuħ” għaliex skont l-Eks President tal-Partit Laburista Manuel Cuschieri dawn iridu jsiru sinjuri mil-lum għall-għada.
Proprju aktar kmieni din il-ġimgħa waqt wieħed mill-monologi tiegħu, Manuel Cuschieri tratta l-kwistjoni tal-għoli tal-ħajja li pprova jiġġustifikaha kemm għall-pandemija u wkoll għall-gwerra Russja-Ukrajna.
Iżda mbagħad mar pass lil hinn hekk kif ikkondivida l-opinjoni tal-Ewroparlamentari Laburista Alex Agius Saliba meta pponta subgħajh lejn l-importaturi u n-negozjanti u saħansitra talab lill-Kummissjoni Ewropea biex tinvestigahom għar-rigward tal-għoli tal-ħajja.
Naturalment konxju mill-fatt li ta’ Kastilja ma huma komdi xejn għal dan l-attakk fuq l-importaturi u n-negozjanti Maltin, Manuel Cuschieri – li skont ta’ Kastilja wkoll bil-programmi tiegħu qiegħed ikompli jagħmel ħsara kbira lill-Gvern ta’ Robert Abela – kompla bin-narrattiva tiegħu ta’ attakk bla preċedent fuq negozjanti, importaturi u distributuri u saħansitra f’mument minnhom akkużahom li għamlu u qed jagħmlu profitti eċċessivi u ferm aktar milli deċenti u dan m’għandux ikun.
Qal li hu tajjeb li l-mekkaniżmi tal-Gvern ta’ Robert Abela jinvestigaw lil negozjanti, importaturi u distributuri għaliex hemm minnhom li qed jisirqu lill-poplu billi jitħallsu ferm aktar milli suppost jitħallsu.
Qal li xi ħaġa bħal din triq tieqaf u l-Gvern ta’ Robert Abela se jintervjeni biex din tieqaf. “Għandu għalfejn jinkwieta u jippanikkja min ilu għaddej mhux ħażin jisloħ il-but tan-nies. Dawn jissejħu mejta bil-ġuħ għax iridu jsiru sinjur mil-lum għal għada.
Filwaqt li ma qagħadx lura milli jakkuża lil negozjanti, importaturi u distributuri li qegħdin jisirqu lin-nies bil-prezzijiet esaġerati tagħhom, wissihom li se jkollhom il-problemi. “Issa għaliex hemm għoli tal-ħajja li probabbilment hu kkawżat minn serq sfaċċat… jisolħu lin-nies.”
Hu qal li l-attakk tal-Gvern ta’ Robert Abela hu fuq nies li jaħsbu li jistgħu jagħmlu li jridu.
L-attakk ta’ Manuel Cuschieri fuq negozjanti, importaturi u distributuri proprju kien qiegħed isegwi ktiba tad-Deputat Mexxej Laburista Daniel Micallef li f’messaġġ fuq il-midja soċjali wissa’ lil Robert Abela li “l-għoli tal-ħajja – realtà li qed iġġib għafsa fuq il-familji Maltin u Għawdxin”.
Dan kollu filwaqt li fetaħ attakk hu wkoll fuq is-settur tan-negozjanti, tal-importaturi u tad-distributuri u, fost l-oħrajn, esprima l-ħsieb tiegħu li: “U din ir-realtà qed ibatu minnha anki sidien ta’ ħwienet li ma jeħdux pjaċir ikunu sfurzati jgħollu l-prezzijiet”!
Din il-kwistjoni tal-għoli tal-ħajja spiss hi diskussa kemm fuq livell ta’ ministri bejniethom u anki fuq livell ta’ back benchers Laburisti. Fiż-żewġ faxex hemm qbil li Robert Abela qatt ma kien kapaċi jindirizza din il-kwistjoni biex illum ħarbitlu minn kull kontroll u l-familji Maltin u Għawdxin qegħdin ibatu ħafna miż-żidiet kontinwi fil-prezzijiet tal-prodotti l-aktar essenzjali.
Argument spiss imqanqal hu li dwar din il-kwistjoni Robert Abela għażel li ma jiħux azzjoni u jipposponi milli jindirizza t-tħassib tal-poplu dwar l-għoli tal-ħajja sal-punt li llum il-faqar qiegħed ikompli jiżdied u jsir problema mill-aktar serja fil-pajjiż.
Fil-livell ta’ ministri, Robert Abela jaf li kulma jmur l-appoġġ kompla jitnaqqaslu, iżda dawn bejniethom jitkellmu li fix-xhur li għaddew kemm-il darba tkellmu dwar kif il-kwistjoni tal-għoli tal-ħajja kienet – bħal bużżieqa – se tikber u tintefaħ sakemm issa nfaqgħet f’wiċċ Robert Abela nnifsu bil-konsegwenzi kollha li sitwazzjoni bħal din qegħda ġġib.
L-istess ministri issa qegħdin jgħidu li kien żball kbir li l-Gvern – ċioè anki l-Partit Laburista – spiċċa ġġieled mal-importaturi u n-negozjanti. Skont huma dan hu żball tant kbir li l-istess Partit Laburista għad ikollu prezz qares xi jħallas għalih.
Kif hu żball kbir ukoll li issa dawn in-nies qegħdin ikunu indirizzati bħala ħallelin, li jridu jsiru sinjuruni mil-lum għal għada, li ma jarawx wiċċ Alla u b’aġġettivi dekorattivi bħal dawn!
Hu stat ta’ fatt li Robert Abela għandu problemi serji quddiemu; problemi ta’ kredibbiltà; problemi li anqas għandu l-appoġġ tal-Ministri li jkollu quddiemu sal-punt li anki fil-laqgħat sħan tal-Kabinett kif reġa’ seħħ din il-ġimgħa, ma jħossux komdu jitkellem u jaġixxi kif irid.
Dan biex ma nitfgħux lenti wkoll fuq dak li qiegħed jiġri fil-livell ta’ back benchers fejn kważi l-Membri Parlamentari Laburisti kollha huma għalkollox irrabjati għalih u kontra tiegħu.
Sitwazzjoni tat-tħassib interna għaliex hi mrewħa wkoll mill-atteġġjament ta’ ċerti nies fit-Tmexxija tal-Partit li ma jiddejqu assolutament xejn li fin-narrattiva u l-kitbiet tagħhom jagħtu l-majnati – anki jekk mhux dejjem puliti – lil Robert Abela kif għamel fil-jiem li għaddew id-Deputat Mexxej Daniel Micallef meta kompla jitfa’ aktar melħ fuq il-ferità fil-konfront tal-falliment ta’ Robert Abela dwar l-għoli tal-ħajja.
//= $special ?>