Il-politika tal-PN hija dik li pajjiżna verament għandu bżonn għax hija politika mibnija fuq proposti konkreti biex l-ħaddiema u l-familji jkunu jistgħu jgħixu ħajja ta’ kwalità.
Kien dan il-qofol tal-messaġġ li wassal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech f’intervista li saritlu l-Ħadd filgħodu waqt il-programm Analiżi.
Huwa qal li l-Partit Nazzjonalista huwa determinat li jkompli jressaq iktar proposti konkreti b’viżjoni li hija bbażata fuq l-intergrità, l-onesta u l-impenn lejn il-poplu Malti u Għawdxi.
Bernard Grech semma kif in-nies ma jifilħux aktar bil-popolazzjoni li qiegħda dejjem tiżdied fejn dan qed iħalli impatt fuq bosta servizzi fosthom fuq is-settur tas-saħħa u anke fuq l-infrastruttura ta’ pajjiżna. Huwa għalhekk li l-PN qed jipproponi ekonomija b’viżjoni b’nuqqas ta’ dipendenza fuq il-poplazzjoni taċ-cheap labour.
Qal li l-PN se jkun qed jibni setturi ekonomiċi ġodda fejn il-ħaddiem ikollu xogħol ta’ kwalità u tkun sostnuta l-innovazzjoni, fejn fiċ-ċentru tal-ħidma tal-Partit Nazzjonalista jkun hemm l-effiċjenza.
Bernard Grech qal li pajjiżna għandu bżonn enerġija nadifa u għalhekk l-PN se jkompli jaħdem f’dan is-settur ukoll. Huwa żied jgħid li l-politika għandha kuntest, fejn ma tistax tagħhmilha minn ġewwa uffiċċju bil-karti biss… politika trid tirrispettaha s-sena kollha u huwa għalhekk importanti li tiltaqa’ u tħoss il-problemi tan-nies.
Huwa tkellem dwar kif in-nies ta’ kuljum jitkellmu dwar l-għafsa tal-għoli tal-ħajja, fejn il-Gvern Laburista qed jattakka lin-negozji tal-familja. Fidf-dawl ta’ dan kollu, il-PN offra soluzzjonijiet f’dan ir-rigward iżda l-Gvern ma jridx jisma’.

Qal li n-nies qed jitkellmu wkoll dwar in-nuqqas ta’ servizz fil-qasam tas-saħħa għax il-Gvern mhux jinvesti biżżejjed u għax il-popolazzjoni ta’ pajjiżna żdiedet bl-addoċċ.
Kien hawn fejn irrefera għall-deal li sar ma’ Vitals u Steward, deal li seraq lill-poplu Malti 400 miljun ewro, br’Robert Abela baqa’ qatt ma fetaħ kawża kontra Steward biex dawn il-miljuni jintraddu lura.
Il-PN għandu politika għan-nies f’diversi oqsma fosthom fil-kunsilli lokali, l-iskart, is-sigurtà u l-ġustizzja.
Huwa tkellem b’mod partikolari dwar kif għandna ngħinu iktar lill-pubblikaturi tal-kotba u nagħtuhom is-sostenna tagħna.
Bernard Grech qal li l-PN dejjem ħares lejn in-negozji bħala l-mutur sabiex pajjiżna jimxi ‘l quddiem u huwa proprju għalhekk li l-politika tal-PN se tibqa’ tenfasizza fuq pjan b’saħħtu biex n-negozji jirnexxu u jirnexxi pajjiżna wkoll.