
Il-Ħadd ġiet organizzata l-ewwel edizzjoni tal-Caritas Run for Life… attività li rat ’il fuq minn 800 parteċipant li applikaw biex jieħdu sehem fid-diversi kategoriji ta’ distanzi differenti, kemm għall-kbar kif ukoll għaż-żgħar.
Fil-bidu tal-attività, id-Direttur tal-Caritas Anthony Gatt irringrazzja lil dawk kollha li attendew bi ħġarhom, talli qasmu kliem ta’ inkoraġġiment, u talli taw is-sapport tagħhom lejn il-Caritas, li ilha iktar minn 34 sena taħdem sabiex tagħti lura l-dinjità lil dawk il-persuni li jiddependu fuq is-sustanzi. Hu semma kif il-Komunità terapwetika ta’ San Blas salvat eluf ta’ persuni, u li d-dixxiplina sportiva ttihom ‘high’ naturali.
Iktar minn 60 persuna mid-djar residenzjali tar-riabilitazzjoni kellhom iċ-ċans jipparteċipaw f’din l-attività, filwaqt li San Blas kiet miftuħa għal dawk li pparteċipaw fit-tiġrija.
Anthony Gatt sostna li hemm bżonn nwasslu messaġġ lis-soċjetà li nistgħu ngħixu ħajja tajba mingħajr ma nagħmlu użu mis-sustanzi.
Kien għall-ħabta tal-10am meta l-attività ġiet fi tmiemha saret il-preżentazzjoni f’diversi kategoriji fl-ewwel, it-tieni u t-tielet post skont l-età u skont il-ġeneru.





