Internazzjonali

Iżrael-Ħamas: Xita ta’ bombi u missili fost il-qtil ta’ ċivili….Meqruda ‘bejta ta’ terroristi’ fix-Xatt tal-Punent

Il-militar ta’ Iżrael ħalef li jintensifika l-attakki mill-ajru fuq it-terroristi tal-Ħamas u meta fl-aħħar sigħat kompla jappella biex iċ-ċivili Palestinjani jitilqu mit-Tramuntana ta’Gaza li għandha tisfa mira għal aktar bumbardamenti kbar….Bumbardamenti li qed isiru bi tpattija għall-massakru ta’ 1,400 ċivili u suldati Iżraeljani waqt l-invażjoni storika ta’ Iżrael mit-terroristi tal-Ħamas li fis-7 ta’ Ottubru fetħet paġna ġdida u imdemmija fl-istorja tal-Lvant Nofsani.

Il-Ġenerali tal-Armata Iżraeljana qalu li ħadd ma għandu jiddubita li l-Kapijiet tal-Ħamas u l-entitajiet kollha terroristi f’Gaza jridu jinqerdu ‘illum jew għada’. Madankollu – u waqt li qed jipprepara offensiva kbira tal-art fuq Gaza – Iżrael irid jagħti kull opportunità liċ-ċivili Palestinjani f’Gaza biex jaħarbu u ma jinqabdux fil-burraxka imminenti. Iżrael jemmen li ladarba ċ-ċivili jabbandunaw in-naħa ta’ fuq ta’ Gaza, dan il-fattur waħdu għandu jimminimizza s-sogru għall-qawwiet Iżraeljani matul il-fażi li jmiss tal-gwerra.

Fl-istess ħin, Iżrael qed jgħid li rnexxielu joqtol għexieren ta’ terroristi tal-Ħamas waqt sensiela ta’ rejds mill-ajru li saru matul il-lejl tas-Sibt u l-Ħadd.

Min-naħa tagħhom, il-kelliema għall-Ħamas wieġbu li fir-rejds inqatlu aktar minn 200 Palestinjan – inklużi tfal – f’24 siegħa, għalkemm l-ammont ma setax ikun ikkonfermat mis-sorsi indipendenti.

In-Nazzjonijiet Uniti, fl-aħħar sigħat, kienet qed tittama li twassal aktar għajnuna lin-nies ta’ Gaza li ilhom il-jiem mingħajr l-affarijiet bażiċi għall-ħajja, fosthom ilma tax-xorb nadif. Madankollu, fi tmiem il-ġimgħa, feġġ xaqq ta’ dawl għal dawn in-nies meta waslulhom l-ewwel kunsinni ta’ provvisti essenzjali mindu faqqgħet il-gwerra bejn l-Iżraeljani u l-Ħamas….Gwerra li issa qabżet il-ġimgħatejn u li fiha tilfu ħajjithom ‘il fuq minn 4,300 f’Gaza.

Jidher ukoll li – minkejja l-isforzi diplomatiċi — il-gwerra bejn Iżrael u Gaza qed tinfirex, bil-mod il-mod, lejn bnadi oħra tar-reġjun u b’mod partikulari lejn ix-Xatt tal-Punent.

Dan meta l-militar Iżraeljan, fl-aħħar sigħat, qal li l rnexxielu jelimina bażi tal-Ħamas li kienet f’sezzjoni ta’ moskea u li kienet qed tintuża biex, fost oħrajn, tikkoordina l-attakki fuq Iżrael.

Il-moskea inkwistjoni tinsab f’Jenin u l-ajruplani tal-gwerra qerdu għal kollox parti mill-istruttura li taħtha kien hemm ‘l-entità tal-Ħamas’.

U waqt li l-gwerra ta’ Iżrael mal-Ħamas qed tintensifika, żdiedet anki t-tensjoni mal-fruntiera Iżraeljana tat-Tramuntana li tmiss mal-Libanu. Dan meta l-militanti Lebaniżi Xiti tal-Ħeżbollah ilhom l-aħħar jiem jisparaw il-missili lejn il-villaġġi ta’ Iżrael – b’Iżrael iwissi lil dan il-grupp, alleat tal-Iran, li qed ‘jilgħab logħba ferm perikoluża’.