Mill-kliem għall-fatti hemm il-baħar jikkumbatti u dan kliem missirijietna jgħodd perfettament għas-sitwazzjoni tal-IVF illum fejn wara l-ħafna ftaħir tal-Gvern fl-2018 meta għaddiet il-Liġi li tikkontrolla l-IVF, illum għandna sitwazzjoni xejn feliċi li qegħda tikkawża stress u problemi fost il-koppji li jixtiequ li jkollhom it-tfal.
Għandna attwalment sitwazzjoni fejn l-Awtorità nnifisha li tikkontrolla l-IVF mhix taħdem u tiffunzjona kif mixtieq u mistenni. Anki l-binja tagħha darba wieħed iżurha jintebaħ li għaddejja minn ċertu telqa u diżinteress.
Imma mhux biss għaliex issa koppji li bdew il-proċess biex ikollhom l-ulied qegħdin jiffaċċjaw problemi serji għaliex bħal donnu li m’hemmx min jista’ jagħtihom il-go-ahead biex il-proċess tagħhom jissokta u dan meta f’okkażjonijiet minnhom dawn il-koppji jkunu waslu għal riżultati importanti u mill-aktar kruċjali. Imma ladarba l-Awtorità responsabbli mill-IVF mhix tiffunzjona kif wieħed jistenna, allura hemm diversi problemi serji li qegħdin direttament jaffettwaw lil dawn il-koppji.
L-istess koppji li huma ffaċċjati wkoll minn spejjeż kbar ta’ kura u xiri ta’ mediċini u mbagħad, meta jiġu biex jitolbu mediċini mis-servizz tad-Dipartiment qegħdin spiss isibu li l-istess mediċini li jkollhom bżonn ikunu out-of-stock! Din hi sitwazzjoni mill-aktar imbarazzanti u ta’ uġigħ għal dawn il-koppji għaliex faċilment jispiċċaw f’sitwazzjoni fejn il-proċess li jkunu bdew ma jkunx jista’ jissokta.
Sfortunatament ukoll f’dan ir-rigward wieħed jiltaqa’ ma’ ħafna ħaddiema – minn professuri, konsulenti, tobba, infermieri, ħaddiema tal-laboratorju u oħrajn – li jistqarru li mhumiex iħossuhom komdi għaliex mhux stmati fix-xogħol tagħhom.
Dan qiegħed spiss iwassal biex persuni validi u tajbin qegħdin jispiċċaw iħallu l-mestier tagħhom u jmorru jissoktaw bil-karriera tagħhom f’setturi oħrajn. Din is-sitwazzjoni hi bħal daqqa ta’ ħarta għal dawn il-koppji bi problemi ta’ infertilità u li jkunu qegħdin ifittxu l-appoġġ u l-għajnuna ta’ nies professjonali biex jgħinuhom ikollhom it-tfal.
Dwar dan ix-xenarju kollu tkellem fil-Parlament aktar kmieni din il-ġimgħa d-Deputat Nazzjonalista Stephen Spiteri li hu wkoll il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar is-Saħħa. Fil-Parlament saħansitra enfasizza li għad għandna min għadu jistenna għal donazzjoni tal-bajd sa minn meta saret ir-riforma fl-2018!
Qal li minkejja li l-Gvern għadda din il-Liġi ġdida u qagħad jiftaħar biha, illum hawn sitwazzjoni fejn suppost li sar possibbli li jistgħu jsiru l-ittestjar qabel ma jkun hemm implantazzjoni fuq il-bajd tal-mara biex wieħed jara jekk ikunx hemm problemi ġenetiċi, iżda fil-verità llum qiegħed jirriżulta li anki hawnhekk hawn differenzi bejn dak li ngħad u l-fatti attwali. F’diversi każijiet dan il-proċess għadu anqas biss beda għal koppji li jixtiequ li jkollhom it-tfal, u dawk li għaddejjin minn dan il-proċess qegħdin isibu diffikultajiet serji quddiem wiċċhom u qegħdin isibu problemi biex ikunu jistgħu jegħlbu dawn il-problemi b’suċċess.
Fil-Parlament Stephen Spiteri kellu kliem ta’ solidarjetà ma’ dawn il-koppji, kif ukoll kliem ta’ simpatija mal-ħaddiema kollha involuti f’dan is-settur u enfasizza li dawn il-ħaddiema ħaqqhom li jkunu stmati, ħaqqhom li jkunu jservu f’ambjent xieraq u hawnhekk appella lill-Gvern biex mhux billi jħalli jgħaddi l-liġijiet u joqgħod jiftaħar iżda jaċċerta li dawn il-liġijiet ikunu jaħdmu u jwasslu għar-riżultati mixtieqa biex hekk iwasslu għal titjib fil-kwalità tal-ħajja ta’ min għaddej minn żminijiet diffiċli.
//= $special ?>