Il-komunità internazzjonali kundannat is-sentenzi ta’ priġunerija li qorti fl-Iran ikkonfermat għal żewġ ġurnalisti nisa — Niloufar Hamedi u Elaheh Mohammadi.
Iż-żewġ nisa weħlu massimu ta’ seba’ snin ħabs kull wieħed talli huma, allegatament, ikkollaboraw mal-Istati Uniti u fejn huma anki kellhom iwieġbu għal akkużi oħra – x’aktarx li infondati. Is-sentenzi nqraw wara proċess preliminarju u meta l-imputati ingħataw sa 20 ġurnata biex jappellaw.
Iż-żewġ ġurnalisti ilhom miżmuma fi priġunerija għal aktar minn sena talli kienu żvelaw il-każ ta’ Mahsa Amini, il-mara Iranjana li f’Settembru tal-2022, mietet waqt li kienet qed tinżamm taħt arrest mill-Pulizija tal-Moralità f’Tehran. Dan wara li l-pulizija kienu waqqfuha talli kienet liebsa l-hijab b’mod mhux konformi mal-kriterji tal-Islam.
Il-każ ta’ Amini kien qajjem rewwixta fl-Iran fejn mijiet ta’ nies ‘sparixxew’ inkella nqatlu jew inżammu arrestati mill-Pulizija tar-reġim Iranjan fundamentalista. F’dan iż-żmien ukoll il-ġurnalista Mohammadi kienet ħarġet artiklu dettaljat dwar il-funeral ta’Mahsa Amini.
//= $special ?>