Formula 1 Sport

Max Verstappen fl-ewwel post fil-Grand Prix tal-Istati Uniti

(Ritratt: EPA)

It-tlett darbiet champion tad-dinja għal darb’oħra ma ddiżappuntax hekk kif temm fl-ewwel post fil-Grand Prix tal-Istati Uniti fit-trakka ta’ Austin.

L-Olandiż beda fis-sitt post u rnexxielu jitla’ l-ewwel post biex temm it-tellieqa bil-ħin ta’ 1:35:21.362.
Wara li qatta’ l-maġġoranza tal-ħin fl-ewwel post, is-sewwieq ta’ Mercedes Lewis Hamilton temm fit-tieni post, b’Lando Norris ta’ McLaren jokkupa l-aħħar post fuq il-podium.

Is-sewwieq ta’ Ferrari Carlos Sainz temm fir-raba’ post, segwit minn Sergio Perez ta’ Red Bull.
Minkejja li f’mumenti kien anka qiegħed jokkupa l-ewwel post matul it-tellieqa, Charles Leclerc ta’ Ferrari spiċċa fis-sitt post, filwaqt li George Russel ta’ Mercedes temm fis-seba’ post.

Pierre Gasly ta’ Alpine kien is-sewwieq li daħal fit-tmien post, segwit minn Lance Stroll ta’ Aston Martin.

Yuki Tsunoda ta’ AlphaTauri kien l-aħħar sewwieq li daħal mal-ewwel għaxra.

Fernando Alonso ta’ Aston Martin, Oscar Piastri ta’ McLaren u Esteban Ocon ta’ Alpine kienu s-sewwieqa li ma temmewx it-tellieqa.