Lokali

Robert Abela jgħid ħaġa u jagħmel oħra

Filwaqt li baqa’ lura milli jsemmi ismijiet, il-Prim Ministru uża d-diskors tiegħu biex jattakka lill-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen u magħha lill-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola u bosta mexxejja oħra internazzjonali.

Skont Abela, il-mexxejja ma kellhomx jesprimu solidajreta’ ma’ Iżrael wara l-attakk terroristiku tal-Hamas. Dak li għamlu von der Leyen, Metsola, il-President Amerikan Biden, il-Prim Ministru Ingliż Sunak, il-Kanċillier Ġermaniz Scholz, il-Prim Ministru Taljana Meloni, u bosta mexxejja oħra internazzjonali – li marru Iżrael jaraw b’għajnejhom l-atroċitajiet tal-Hamas – skont Abela hu politika tal-pożi.

Li spikka fid diskors ta’ Abela hu li filwaqt li attakka lil dawn il-mexxeja internazzjonali, fl-istess nifs irrepeta l-istess messaġġ tagħhom.

Din il-ġimgħa, Net News irrapporta kif Robert Abela ikkoppja dak li qalet qablu Roberta Metsola waqt il-laqgħa mal-mexxejja Ewropej. Iżda fi Brussell qed jgħid ħaġa u f’Malta jipprova jagħti l-impressjoni li hu b’xi mod differenti mill-bqija tal-mexxejja Ewropej.

Huwa qal li Iżrael għandu dritt jiddefendi lilu innifsu skond il-liġijiet internazzjonali, li hu favur soluzzjoni li jkun hemm żewġ stati jgħixu fil-paċi maġemb xulxin, u qed jappella biex in-nies innoċenti jiġu protetti – l-istess ħaġa li qed tgħid Metsola u l-mexxejja internazzjonali l-ohra. Iżda bil-qasma li għandu fil-Partit Laburista dejjem tikber u bi stħarriġ juri li l-appoġġ lejh hu dejjem nieżel – Robert Abela qed jaqbad ma kull tibna biex jipprova jsalva lilu innifsu.