Futbol Sport

Rebħa għal Valletta fid-debutt ta’ Enzo Potenza

(Ritratt: Joseph Galea)

Andrè Muscat

MARSAXLOKK………. 0

VALLETTA………….. 1

Marsaxlokk : D. Marko, W. Soares, N. Muscat (R. Scicluna 85’), Y. Messias, J. Walker, G. Camilleri, A. Armah (S. Boakye 74’), L. Aguirre, D. Dell’Oca, S. Akinbule, F. Gomes Junior

Valletta : J. Galea, E. Ruiz, O. Barrientos, A. Santiago (C. Gauci 90’), F. Falcone, B. Paiber, L. Prestes, J. Vega Federico, A. Micallef, J. Benites (D. Garba 84’), H. Silas Alfred (L. Susnjara 67’)

Imwissija: S. Akinbule 40’ (M), F. Falcone 50’ (V), A. Micallef 53’ (V), W. Soares 60’ (M)

Tkeċċew: J. Walker 90 (M)

Skorjaw: J. Benites 70’ (V)

Referee: Malcom Spiteri

Assistenti Referees: Duncan Sultana u Luke Portelli

BOV Plejer tal-Logħba: J. Benites (V)

In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Y. Messias (M)

F’konfront dirett għal żewġ timijiet li pratikament jinsabu f’nofs il-klassifika, il-Beltin taħt it-tmexxija ta’ Vincenzo Potenza jirnexilhom joħorġu bil-punti massimi minn dan il-konfront.

Fl-ewwel azzjoni perikoluża tal-partita, il-Beltin jiġu mċaħda minn gowl ta’ Barrientos fit-13-il minuta, meta r-referee Malcom Spiteri janulla l-gowl għal senjalazzjoni ta’ offside mill-assitent tiegħu Luke Portelli. Fis-26 minuta Spiteri jsaffar penalty favur ix-xlukkajri, hekk kif Ruiz waqqa lil Yuri Messias fil-kaxxa l-kbira. Kien l-istess Messias li nkariga ruħu mill-11-il metru, fejn il-player bin-numru 10 jara’ l-penalty tiegħu salvat mill-goalkeeper Belti. B’ħafna pusses ta’ ballun miż-żewġ timijiet f’nofs il-grawnd bi ftit li xejn ikunu perikolużi fil-konklużjonijiet tagħhom, l-ewwel taqsima intemmet f’parita ta’ 0-0.

4 minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima Barientos ta’ Valletta jipprova xutt minn barra l-kaxxa, bil-goalkeeper xlukkajr idawwar ix-xutt f’korner. Fil-51 minuta l-Beltin jerġgħu jkunu perikolużi b’xutt ta’ Jhonnattann jaħbat mal-minduda. Valletta fis-70 minuta jmorru fil-vantaġġ, hekk kif Drobnjak isalva b’diffikulta daqqa ta’ ras ta’ Falcone, bil-ballun jaqa’ f’saqqajn Jhonnattann Benites b’dan tal-aħħar waħdu quddiem il-lasta ma jfalliex u jitfa l-Beltin preżenti f’delirju ta’ ferħ. Federico Falcone fis-77 minuta jersaq viċin li jirdoppja għall-Beltin, meta b’mod akrobatiku jara id-daqqa ta’ ras tiegħu tistampa mal-wieqfa. Bil-Beltin jikkontrollaw il-vantaġġ miksub b’mod mill-aktar dixiplinat sat-tisfira finali biex b’hekk setaw jieħdu l-punti massimi minn din il-logħba.

F’logħba bilanċjata għall-aħħar il-Beltin irnexilhom joħorġu minn dan il-konfront bil-punti massimi biex irnexilhom jirritornaw għar-rebħ, filwaqt li kieku Marsaxlokk ħadu mqar punt ma kienu jkunu serqu xejn.

(Ritratt: Joseph Galea)

(Ritratt: Joseph Galea)