Raġel ta’ 45 sena mwieled San Ġiljan u residenti Ħaż-Żebbuġ u li huwa dipendenti fuq id-droġa ġie kundannat 14-il xahar ħabs wara li nstab ħati li hedded Maġistrat u Spettur fl-awla tal-Qorti tal-Maġistrati f’Mejju tas-sena l-oħra. Huwa qalilhom wara li ġie miċħud lilu l-pleġġ – “Ngħollilkom kollha u naħraqkom.”
Huwa nstab ħati wkoll mill-Maġistrat Rachel Montebello li sar reċediv. David Bonnici nstab ħati li fil-31 ta’ Mejju tal-2022 inġurja u hedded lill-Maġistrat Leonard Caruana waqt il-qadi ta’ dmirijietu tiegħu u li hedded ukoll lill-Ispettur Sherona Bhagiar, persuna inkarigata skond il-liġi minn servizz pubbliku waqt li kienet qed tagħmel dan is-servizz bil-ħsieb li jbezżagħha.
Nstab ħati wkoll li volontarjament kiser il-bon ordni b’għajjat u ġlied u li sar reċidiv b’sentenza mogħtija
mill-Qorti tal-Maġistrati Malta, liema sentenzi saru definittivi u ma jistgħux jiġu mibdula. Mis-smigħ tax-xhieda jirriżulta li l-imputat kien tressaq taħt arrest mill-Ispettur Sherona Buhagiar quddiem il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Leonard Caruana mixli b’diversi reati konnessi mal-vjolenza domestika.
Fil-bidu tal-proċess, l-imputat deher li ma kienx kompletament f’siktu u ma kienx qed jagħti kas għal dak li kien qed jiġri fl-awla, u lmenta li kien għajjien. Għalhekk il-Maġistrat Caruana ħa ħsieb li jiġbed l attenzjoni tal-imputat għal kull stadju tal-proċess biex jassigura illi kien qed jifhem dak li kien għaddej.
Mit-tweġibiet tal-imputat waqt l-interrogatorju, Bonnici deher li kien konxju u kien qed jifhem dak li kien qed jiġri u wieġeb b’mod koerenti u dettaljat għal kull domanda li saritlu mill-Maġistrat. Iżda filwaqt li l-Maġistrat kien qed ifissrilu li ma kienx qed jilqa’ t-talba tiegħu għall-ħelsien mill-arrest u kien qed jispjegalu l-implikazzjonijiet tal-Ordni ta’ Protezzjoni li kien appena nħareġ fil-konfront tiegħu, l-imputat irvella u beda jgħajjat.
L-Ispettur Sherona Buhagiar xehdet illi b’leħen għoli, dak il-ħin l-imputat beda jgħid lill-Maġistrat: “Grazzi Sur Maġistrat li tfajtni l-ħabs, ta grazzi, u anke lilek Spettur” u lill-Maġistrat Caruana speċifikatament qallu: “M’intix raġel, xi darba tasal tiegħek, x’taħseb li int?
Lil Keith Schembri ma tagħmlulu xejn
Jien David Bonnici u xi darba tkun taf min jien.’Imbagħad waqt li kien qed iħares lejja wkoll u lejn l-avukat tiegħu u lejn il-Maġistrat, qal ‘Ngħollikom kollha, kollha naħraqkom’.” Dan ġie affermat mill-Maġistrat Leonard Caruana li xehed:
“Meta spjegajtlu l-proċess u meta spjegajtlu li bail ma tajtux, hemmhekk is-Sur Bonnici flippja. Flippja, qam bilwieqfa, beda jgħajjat, u qal kliem fis-sens ‘għax intom tagħmlu l-arja ma’ min hu dgħajjef u min hu b’saħħtu bħal Keith Schembri ma tagħmlulu xejn’.
Umbagħad ħares lejja, qalli ‘int ma tafx min jiena, jien inpattihielek, ngħollikom kollha kemm intom, naħraqkom’.” Biex jipprovaw jikkalmaw is-sitwazzjoni, żewġ uffiċjali tal-Pulizija li kienu preżenti fl-awla tal-Qorti dak il-ħin, eskortaw lill-imputat barra mill-awla.
Dawn il-fatti ma humiex kontestati mid-difiża. Kemm hu hekk, l-imputat xehed illi huwa ma għandu ebda rikollezzjoni kwalsiasi tal-episodju li seħħ matul il-preżentata tiegħu taħt arrest quddiem il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Leonard Caruana, għaliex dak il-ħin kien intossikat u taħt l-effett ta’ taħlita ta’ droga u jiftakar biss li qam u sab ruħu fl-ITU ġewwa l-Isptar Mater Dei.
Noel Mifsud li kien Spettur fil-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin xehed illi huwa kien eskorta lill-imputat mill-Faċilità għall-Isptar Mater Dei fil-31 ta’ Mejju 2022 wara li kien ġie riferut mit-tabib li kien eżaminah kif ġie ammess fil-ħabs.
Fisser li Bonnici ma kienx qed iġib ruħu b’mod normali u ma kienx jaf x’qed jiġri madwaru, tant li daqqa jagħrfu u daqqa le. Ikkonferma iżda, li ma kiex mitluf minn sensih. Għall-fini tal-piena li għandha tiġi inflitta fuq sejbien ta’ ħtija għar-reati taħt l-artikoli 93 u 95 tal-Kap. 9, il-Qorti kkunsidrat illi dawn iż-żewġ delitti – partikolarment dak taħt l-artikolu 93 – huma ferm gravi.
Kondotta kkullurita
Minn ħarsa lejn il-fedina penali voluminuża tiegħu, jirriżulta wkoll li l-imputat instab ħati u ġie kundannat għar-reat taħt l-artikolu 95 tal-Kap. 916 xejn inqas minn tmien darbiet u minn dan il-Qorti fehmet illi l-imputat għandu problema kbira ta’ insubordinazzjoni kontra l-awtorita’ pubblika.
Din il-problema kompliet tiġi manifestata, u b’mod ferm gravi, bl-akkużi f’dawn il-proċeduri fejn l-imputat kompla juri li ma għandu ebda rispett kwalsiasi lanqas għall-awtorità ġudizzjarja u ma jaħsibhiex darbtejn jhedded lill-membri tal-ġudikatura u uffiċjali pubbliċi.
Evidentement, huwa ma tgħallem xejn la mid-diversi opportunitajiet li ngħata mill-qrati fil-passat biex jirrijabilita ruħu u jaqbad it-triq tar-riforma, u lanqas mis-sentenzi ta’ priġunerija effettiva li skonta ripetutament minħabba l-aġir aggressiv tiegħu sia lejn qraba tiegħu u sija wkoll fil-konfront ta’ uffiċjali tal-Pulizija.
Il-Qorti fehmet b’mod dirett il-gravità tal-problema tal-komportament tal-imputat meta matul is-smigħ tal-kawża fl-1 ta’ Diċembru 2022, huwa reġa’ ġab ruħu b’aggressjoni u rabja billi beda jgħajjat u jipponta subajgħ lejn il-prosekutur u wara li ġie mwiddeb mill-Qorti, baqa’ jlissen l-oġġezzjonijiet tiegħu bi kliem dispreġġjattiv indirizzat lejha u lejn l-uffiċjali l-oħra kollha tal-Qorti u tal-Pulizija prezenti fl-awla.
Instab ħati wkoll tar-reat taħt l-artikolu 96 li ġie kommess fit-22 ta’ Lulju 2019. Kemm hu hekk, ġie kundannat xahar detenzjoni. L-imputat qatt ma skuża ruħu għal dan l-aġir. Huwa evidenti qalet il-Qorti li l-vizzju tad-droga wkoll għadu qed jaħkem lill-imputat, skont kif ammess minnu stess fix-xhieda tiegħu quddiem il-Qorti.
Il-fatt illi huwa kien intossikat u taħt l-effett tad-droga meta wettaq ir-reati li qed jinstab ħati dwarhom
illum, ma jagħmel xejn biex inaqqas il-gravita’ ta’ dawn ir-reati jew tal-imġieba tiegħu: għall-kuntrarju, il-Qorti tqis li sewwasew minħabba din id-dipendenza fuq id-droga, magħdud dan l-aġir aggressiv, inkontrollabbli u insubordinat tiegħu.
Il-Qorti qalet ukoll li l-imputat jippreżenta theddida għas-soċjeta’ tant illi ma jistax jiġi fdat biex jifforma parti mill-komunità jekk ma jibdiex jirreġistra progress effettiv bl-għajnuna professjonali u strutturata, fil-problema ta’ reżistenza għal kull forma ta’ awtorità u l-problema tad-dipendenza fuq id-droga – liema problemi x’aktarx li huma wkoll instrinsikalment konnessi.
Min-naħa l-oħra, il-Qorti ħadet qies ukoll tal-fatt illi bl-istess att, ċioe’ l-għajjat u kliem ta’ theddid, l-imputat kiser iktar minn dispożizzjoni waħda tal-liġi li jfisser li teżisti konkorrenza formali ta’ reati u pieni bejn it-tliet reati addebitati lilu fiċ-ċitazzjoni.
Għaldaqstant, se jingħata biss il-piena għar-reat l-iktar gravi. Ikkunsidrat ukoll ix-xhieda ta’ Noel Mifsud, uffiċjal ġewwa l-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin. Huwa minnu li dan ix-xhud qal illi innota differenza pożittiva sostanzjali bejn il-komportament tiegħu sa miż-żmien meta daħal il-ħabs f’Mejju 2022, iddeskriva l-imġieba tal-imputat illum bħala eżemplari u ta’ bniedem normali u kkonferma li Bonnici minflok iqajjem l-inkwiet, illum joqgħod lura.
Sanzjoni korrettiva meħtieġa
Madanakollu, dan mhux biżżejjed biex il-Qorti tkun tikkonvinta li l-imputat irrijabilita ruħu u li mhux meħtieġ sanzjoni korrettiva u punittiva għall-aġir aggressiv u insubordinat tiegħu – del resto ripetuta – u għall-protezzjoni tas-soċjeta’.
Il-Qorti hi tal-fehma illi fl-isfond tal-istorja kriminali twila tiegħu, mingħajr ebda ħjiel ta’ progress serju, l-imputat għandu jingħata piena karċerarja effettiva liema piena għandha tiġi skontata in sintonija ma’ trattament psikoloġiku biex tiġi indirizzata l-imġieba aggressiva u insubordinata tiegħu.
Ingħad li għandu bżonn trattament għad-dipendenza tiegħu fuq id-droga, dan kollu biex l-imputat jikkonsolida kwalsiasi progress li seta’ beda jagħmel, ma jibqax ta’ riskju għas-soċjeta’ u jagħraf ukoll l-importanza tal-kontroll tal-emozzjonijiet tiegħu biex ikun jista’ jirreintegra ruħu b’mod effettiv fis-soċjeta’
bħala bniedem riformat.
Minbarra 14-il xahar priġunerija effettiva u multa ta’ €1,000 il-Qorti ordnat ukoll Ordni ta’ Trattament fil-konfront tal-ħati għal żmien tliet snin biex jingħata trattament psikoloġiku biex jindirizza problema ta’ nuqqas ta’ kontroll ta’ rabja u reżistenza għall-awtorita’, kif ukoll trattament biex jegħleb id-dipendenza fuq id-droga.
Tordna wkoll il-ħruġ ta’ Ordni ta’ Trażżin fil-konfront tal-ħati għall-protezzjoni tas-sigurtà tal-Maġistrat Leonard Caruana u l-Ispettur Sherona Buhagiar għall-fini tal-Artikolu 382A tal-Kapitolu 9 tal-Liġijiet ta’ Malta, għal żmien tliet snin, liema żmien għandu jibda jiddekorri mid-data li tiġi skontata l-piena ta’
priġunerija. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Gabriel Micallef. L-Avukat Brandon Kirk Muscat deher għal Bonnici.