Permezz ta’ Pontifikal Solenni, il-Birgu fakkar it-300 anniversarju mill-konsagrazzjoni tal-Knisja ta’ San Lawrenz – pontifikal li tmexxa minn Monsinjur Gorg Frendo flimkien mal-Kapitlu tal-Kolleġġjata.
Matul din iċ-ċelebrazzjoni twassal Paniġierku mill-Kanonku Stephen Attard, u eżatt wara saret purċissjoni bil-vara titulari ta’ San Lawrenz madwar it-toroq prinċipali tal-Birgu, akkumpanjata mill-banda Vittoriosana San Lawrenz.
Fl-aħħar snin, f’din il-Knisja kienu għaddejjin żewġ proġetti kbar: il-pittura tas-saqaf tal-kor tal-knisja u r-restawr tal-orgni, li ġie inawgurat il-Ġimgħa 21 ta’ Ottubru.
Il-Birgu hu meqjus bħala l-eqdem parroċċa f’Malta wara l-Katidral; parroċċa mogħnija b’dan it-titlu sa mill-1090 mill-Papa Urbanu II u hija l-uniku Parroċċa f’Malta ddedikata lil San Lawrenz – apparti l-Knisja ta’ San Lawrenz f’San Lawrenz Għawdex.
Meta fl-1530 il-Kavallieri waslu Malta, il-Birgu serva bħala l-kapitali ta’ pajjiżna u għalhekk il-Knisja ta’ San Lawrenz serviet bħala l-Knisja Konventwali tagħhom għal 41 sena sal-1571.
Il-bini kien inbeda fl-1681 u l-knisja tlestiet fl-1696.
Imbghad, kienet inawgurata fl-10 ta’ Awwissu 1697 mill-Isqof Molina. Aktar tard maż-żmien, propju fl-24 ta’ Ottubru tal-1723 kienet ġiet ikkonsagrata u fl-1820 ġiet mogħnija bit-titlu ta’ Kolleġjata.
Din il-knisja rat storja kbira u laqgħet fiha Kardinali, Inkwiżituri, GranMastri, Arċisqfijiet, Isqfijiet u ħafna dinjitarji minn pajjiżi madwar id-dinja kollha.
//= $special ?>