Il-President ta’ Athletics Malta Aldrin Cassar ġie elett bħala Viċi President tal-Assoċjazzjoni tal-Atletika tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa (AASSE), li tiġbor flimkien l-iżgħar stati fil-kontinent taħt l-awspiċi ta’ European Athletics.
Din il-ħatra prestiġjuża tawgura tajjeb għall-moviment tal-atletika Maltija anke permezz ta’ tisħiħ tal-profil internazzjonali ta’ pajjiżna wara l-organizzazzjoni ta’ numru ta’ avvenimenti ta’ livell għoli fi xtutna u anke riżultati aktar b’saħħithom mill-atleti Maltin. Cassar kien elett f’dan ir-rwol fil-marġini tal-Konvenzjoni ta’ European Athletics li saret f’Vilnius, fil-Litwanja, filwaqt li Frank Carreras (Ġibiltà) kien ikkonfermat bħala President. Cassar esprima l-entużjażmu tiegħu biex jixpruna lil din l-organizzazzjoni bl-għan li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi ż-żgħar favur l-iżvilupp tal-atleti u anke biex kollettivament isaħħu l-influwenza tagħhom fuq livell internazzjonali.
Athletics Malta tħabbar tisħiħ tal-istrutturi ta’ governanza tagħha
Intant, Athletics Malta ħabbret tisħiħ tal-istrutturi governattivi tagħha bl-għan li ssaħħaħ l-operat u tuża aħjar ir-riżorsi disponibbli biex tappoġja l-bżonnijiet dejjem akbar ta’ dan l-isport. L-istruttura tinkludi l-ħolqien ta’ Youth Technical Team, Kummissjoni Medika u Kumitat għar-Road Running, b’dan tal-aħħar jiffoka fuq avvenimenti ta’ atletika li jsiru barra mit-trakka u li kull ma jmur qed jikbru fil-popolarità tagħhom.
Athletics Malta ħabbret ukoll it-twaqqif ta’ Politika ta’ Salvagwardja, li hija impenn b’saħħtu li jinħoloq ambjent sigur u pożittiv għal kull min hu involut dan l-isport. Din il-politika tinkludi impenn b’saħħtu għall-prevenzjoni, rappurtar u teħid ta’ azzjoni f’kull sitwazzjoni ta’ tħassib biex ikun żgurat li kulħadd, speċjalment tfal u persuni vulnerabbli, ikollhom opportunitajiet indaqs fl-isport irrispettivament mill-età, orjentazzjoni sesswali, ġeneru, diżabilità, reliġjon, razza jew qagħda soċjo-ekonomika. Il-Membru tal-Kunsill Claudette Caruana se tkun responsabbli mill-implimentazzjoni ta’ din il-politika.
//= $special ?>