Lokali Parlament

Bernard Grech jressaq mozzjoni biex jisforza lill-Gvern iġib l-€400 miljun lura


Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech ressaq mozzjoni fil-parlament biex jisforza lill-gvern iġib lura mingħand Vitals u Steward l-€400 miljun li l-Gvern Laburista tahom flimkien mal-isptarijiet San Luqa, Karin Grech u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.


Din il-pożizzjoni tal-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech kienet espressa f’seduta parlamentari li llejla qed tiddiskuti s-sentenza mgħotija dalgħodu mill-Qorti tal-Appell dwar l-isptarijiet.


Fil-bidu tas-seduta l-Kap tal-Oppożizzjoni qal li aktar kmieni dalgħodu l-PN kien diġà ħabbar li kien se jippropni li s-seduta tkun riservata għad-dibattitu dwar Vitals. Hu sostna li s-sitwazzjoni skont kif speċifikata mis-sentenza tal-qorti hi waħda urġenti. Il-parlament aċċetta li jsir dan id-dibattitu wara li l-Whip Laburista Andy Ellul ukoll wera intenzjoni li jsir dan id-dibattitu.


Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qal li l-gvern għandu ġenn biex jipprova jidfen is-sentenza tal-Vitals iżda l-poplu se jibqa’ jitkellem dwar dan l-akbar frodi li twettaq mill-gvern Laburista kollu u mill-Gvern Laburista ta’ qablu.


Hu sostna li hu kien fil-Qorti tal-Appell biex jagħti appoġġ lil Adrian Delia f’din il-kawża u qal li għall-poplu Malti s-serqa ta’ €400 miljun mhix kwistjoni tad-daħk.


Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li fl-2013 bdiet it-tellieqa biex jaraw kif se jaħdmu lill-poplu Malti u Għawdxi u kif se jikkonfoffaw minn wara daharu. Dan wara li nfetħu l-kontijiet sigrieti biex beda jitpoġġa fis-seħħ il-pjan li l-Gvern Laburista kellu mill-bidu. Dan kien pjan li twettaq u baqa’ jiġi difiż mill-Grupp Parlamentari Laburista kollu mill-2013 sal-lum.


Kien evidenti sa mill-bidu, li Vitals ma kienu ħadd u li ħadd ma kien jaf min kien hemm warajhom. Fil-fatt Vitals ma kellhom ebda esperjenza fis-saħħa mkien fid-dinja iżda l-Gvern Laburista ħass li kellu jgħaddilhom l-isptarijiet Maltin u Għawdxin.


Il-Kap tal-Oppożizzjoni kompla li l-PN immexxi minn Simon Busuttil mill-ewwel wera li dan ma kienx aċċettabbli u l-PN tkellem kontra dan il-ftehim. Hu sellem lil Daphne Caruana Galizia li kixfet dak li l-Gvern ried li jiqba’ mistur. Taħt Adrian Delia bħala Kap, il-PN baqa’ bl-istess rieda tant li Adrian Delia fetaħ kawża kontra Vitals u Steward u kontra l-gvern.


Bernard Gerch kompla li l-Gvern llum se jipprovaw jgħidu li ħadu l-azzjonijiet meħtieġa meta dan mhux minnu għaliwx il-gvern kien jaf li dan kien ftehim frawdalenti iżda baqa’ jippersistu. Hu semma’ l-protest ġudizzjarju tal-2018 minn Adrian Delia u d-deputati kollha Nazzjonalisti kontra l-Prim Ministru Joseph Muscat, Vitals u entitajiet oħra.


Il-Kap tal-PN sostna li fl-2021 kien preżentat it-tieni protest ġudizzjarju iżda l-gvern injora dan il-protest. Id-deputati kollha Laburisti ivvotaw biex jingħataw iktar flus lil Steward; dawn huma kollha parti integrali minn dak li qalet il-qorti.


Fit-8 ta’ Mejju 2023 kienet preżentata denuzja minnu u minn Adrian Delia għaliex dak li seħħ f’dan il-ftehim huma atti kriminali li l-gvern hu responsabbli minnhom. Minkejja dan, il-Kummissarju tal-Pulizija għadu jonqos milli jieħu passi.


Il-Qorti tal-Appell ta l-ikbar ċertifikat ta’ kriminalità, kollużjoni u qerq kontra l-poplu, sostna Bernard Grech.
Il-Prim Ministru Robert Abela intervjena qal li din hi allegazzjoni serja kontrih u qal li l-Qorti tal-Appell ma tefgħet l-pebda dubju fil-konfront tiegħu.
Il-kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qal li l-Prim Ministru hu kompliċi kif stabbiliet il-Qorti u kkwota s-sentenza tal-Qorti tal-Appell fejn stabbiliet li min suppost ħares l-interessi tal-pajjiż naqas u minflok aktar kellu għal qalbu l-interess ta’ Vitals u Steward tant li l-gvern iddefendew lil Vitals u Steward.


Bernard Grech qal li bi kliemu Robert Abela għadu kif attakka lil Joseph Muscat, Chris Fearne u Chris Cardona meta hu kien il-konsulent legali ta’ Joseph Muscat ukoll. Il-Kap tal-Oppożizzjoni kompla li l-Qorti tal-Appell sostniet li kien biss meta sar l-Appell fl-2023 li bdew jiddefendu s-sentenza li tat raġun lil Adrian Delia.


Bernard Grech sostna li l-Qort qalet ukoll li l-gvern naqas minn dmiru lejn il-pajjiż; dan hu atta kriminali u tradiment lejn il-poplu. Kellu jkun Adrian Delia li ħa l-inizjattiva biex fl-interess tal-pajjiż li jieħu l-passi biex iwaqqa’ dawn il-kuntratti għaliex il-gvern għamel minn kollox kontra l-interessi tal-poplu.


Il-Qorti tal-Appell qalet ukoll li l-mod kif żvolġiet l-istorja juri kien hemm kollużjoni bejn Vitals, Steward u esponenti tal-Gvern. Hu qal li l-Qaorti qalet li l-Prim Ministru u sħabu huma ħatja ta’ kollużjoni u ttradew lill-poplu.


Bernard Grech kompla li l-poplu qed jistenna azzjoni wara li l-PN appella lill-gvern biex jiftaħ kawża kontra Vitals u Steward iżda l-Prim Ministru m’għamel xejn għax il-Prim Ministru hu dgħajjef, kompliċi, idejh involuti u wiegħed li mhu se jagħmel xejn.


Il-Kap tal-Oppożizzjoni kompla li l-PN kien lest jiftaħ il-kawża għax m’għandux idejh marbuta bħall-Prim Ministru. Hu ppreżenta mozzjoni biex il-Prim Ministru jieħu l-azzjonijiet kollha fosthom li jibqa’ proċeduri legali biex il-gvern jirkupra l-flus kollha li tħallsu lil Vitals u lil Steward. Bernard Grech qal li l-Prim Ministru għandu jqum issa stess li jaqbel u jittieħed vot favur din il-mozzjoni.


Il-Kap tal-Oppożizzjoni sostna li l-Qorti kkonfermat li seħħ l-akbar frodi fil-pajjiż u li dan seħħx biss minn Vitass u Steward iżda wkoll minn esponenti ogħlja tal-gvern.


Għalhekk meta jseħħ att kriminali, jitressqu n-nies il-qorti, sostna l-Kap tal-Oppożizzjoni, li kompla li f’pajjiż normali l-Kummissarju tal-Pulizija, il-Prim Ministru u l-Avukat Ġenerali jagħmlu xogħlhom. Hu appella biex il-Gvern ma jerġa’ jonqos lill-poplu għal darb’oħra.