Valletta rritornaw għar-rebħ hekk kif fil-logħba li ntlagħbet il-Ħadd filgħodu huma għelbu lil Marsaxlokk bl-iskor ta’ 1-0. Kien gowl skurjat minn Jhonattan għoxrin minuta mit-tmiem li fired lil dawn iż-żewġ timijiet. Marsaxlokk bdew il-partita b’mod pożittiv hekk kif huma ħadu l-inizjattiva fejn anki kellhom penalty li iżda naqsu milli jikkonvertu. Forsi dan l-episodju ħalla xi ftit effett fuq ix-Xlukkajri hekk kif il-Beltin ittrasformaw ruħhom fit-tieni taqsima. Din kienet l-ewwel logħba għalihom taħt il-gwida tal-kowċ Vincenzo Potenza. Fil-fatt jekk kien hemm tim li ħaqqu l-punti massimi kien bla dubju dak Belti fejn huma apparti li tilfu numru ta’ ċansijiet ta’ skor, laqtu l-lasta darbtejn.
Ħamrun Spartans naqsu li jżommu r-rekord ta’ mija fil-mija, dan wara li kienu miżmuma fi draw ta’ 1-1 minn Sliema Wanderers. L-Ispartans kellhom bidu tajjeb għall-partita fejn iddominaw l-ewwel taqsima u marru fil-vantaġġ b’gowl skurjat minn Luke Montebello. Ir-reazzjoni tal-Blues kienet waħda fjakka fejn kien biss lejn tmiem l-ewwel taqsima li huma resqu viċin il-lasta avversarja. Mossa minn Paul Zammit fejn daħħal lil Awad u Acheampong tat il-frott mixtieq. Dan għaliex f’nofs it-tieni taqsima l-Wanderers kisbu l-gowl tad-draw. Ħamrun ippruvaw jerġgħu jmorru fil-vantaġġ iżda tentattivi konsekuttivi ġew miżuma mid-difiża Slimiża.

Il-bidu perfett f’dan il-Kampjonat ta’ Floriana ukoll ġie fi tmiemu nhar is-Sibt li għadda hekk kif il-Greens ġew miżuma fi draw ta’ 1-1 mit-tim tan-naħa t’isfel tal-klassifika Naxxar Lions. Wara rebħiet kontra timijiet imsejħa kbar bħal Balzan, Hibernians u Birkirkara, il-Greens bdew din il-partita bħala favoriti sabiex jieħdu t-tlett punti. Huma fetħu l-iskor fl-34 minuta iżda kien biss minuta wara li Naxxar Lions kisbu l-gowl tad-draw. Floriana għamlu kull sforz possibbli biex jippruvaw jirbħu l-partita iżda fallew milli jagħmlu dan. Għal-Lions minn Naxxar dan kien punt mirbuħ fit-tentattiv li jinqalgħu minn naħa t’isfel tal-klassifika u jevitaw aktar problemi lejn l-aħħar parti tal-Kampjonat.
Balzan kisbu rebħa importanti li biha telgħu fir-raba’ post tal-klassifika dan wara li huma għelbu lil Hibernians bl-iskor ta’ 2-0. Kienet rebħa li waslet b’żewġ gowls fit-tieni ħamsa u erbgħin minuta fejn sakemm wasal l-ewwel gowl il-Pawlisti kienu aħjar mill-avversarji. Fil-fatt kellu jkun il-goalkeeper ta’ Balzan Golovic li wettaq numru ta’ saves sabiex żamm il-lasta tat-tim tiegħu ntatta. Balzan skurjaw mas-siegħa logħob u kontra x-xejra u b’Hibernians fuq l-attakk biex jippruvaw isalvaw il-logħba wasal is-siġill mad-90 minuta. Għal Hibernians dan kien diżappunt kbir hekk kif din kienet it-tielet telfa konsekuttiva għat-tim immexxi minn Branko Nisevic.

L-ewwel rebħa għal Mosta tasal ukoll. Forsi kontra kull mistenni peress li l-avversarji tagħhom kienu t-tim aktar kwotat ta’ Birkirkara. Gowl f’kull taqsima skurjati minn Brincat u Mensah iddeterminaw fejn ser imorru l-punti. Kienet logħba li meta tqis kollox Mosta b’wirja impressjonanti kien ħaqqhom li jieħdu l-punti kollha minn din il-partita. L-Istripes naqsu li jżommu l-istess livell li kellhom qabel il-waqfa għal-logħbiet internazzjonali. Telfa li issa niżlithom f’nofs il-klassifika fejn din kienet it-tieni telfa tal-istaġun. Mill-banda l-oħra din ir-rebħa ser tagħti kuraġġ lil Mosta fejn issa ser isibu kompitu ieħor diffiċli hekk kif iridu jiffaċċjaw lil Marsaxlokk li ġejjin minn telfa kontra Valletta. Anki Birkirkara jmisshom id-derby kontra Balzan, b’dawn tal-aħħar jidher li ser ikunu fost l-isfidanti.

Minkejja li kellhom jilgħabu għal madwar siegħa bi plejer anqas, Gudja United xorta waħda kisbu punt mill-konfront kontra l-ġirien Santa Lucia. Għal dawn tal-aħħar dan kien l-ewwel punt tagħhom f’dan il-kampjonat wara erba’ telfiet konsekuttivi. Wieħed stenna li wara t-tkeċċija ta’ Santiago Pereira s-Saints kienu ħa jiddominaw il-partita, iżda l-logħob kien maqsum għal ħinijiet twal, ħlief għall-aħħar mumenti hekk kif Santa Lucia żiedu l-pressjoni fit-tentattiv li jieħdu l-punti massimi. Għal Gudja, minkejja li ma’ tilfux, dan kien it-tielet draw tagħhom dan l-istaġun u flimkien mal-istess avversarji tal-ġurnata Santa Lucia kif ukoll Sirens għadhom ifittxu l-ewwel rebħa.
Forsi l-aktar logħba deludenti mill-programm tal-ħames ġurnata tal-Kampjonat BOV Premier kien dik li laqqgħet lil Gżira United ma’ Sirens. Rebħa minima għal Gżira fejn b’hekk komplew fejn ħallew qabel il-waqfa u ħadu tlett punti oħra li bihom komplew jitilgħu aktar il-fuq fil-klassifika wara bidu xi ftit diffiċli. Logħba li rat lill-Maroons ikunu aħjar mit-tim minn San Pawl il-Baħar li kellu bidu mhux faċli għal dan l-istaġun. Gżira laqtu l-lasta fl-ewwel taqsima u anki kellhom il-lussu li jfallu penalty fl-aħħar ħinijiet tal-logħba. Sirens issa ntlaħqu minn Santa Lucia bit-tnejn li huma b’punt wieħed biss. Il-prospetti ma’ tantx jidhru sbieħ għalihom dan l-istaġun.

INNUTAJNA
LI żewġ aħwa lagħbu kontra xulxin f’logħba mill-Kampjonat Premier. Dan hekk kif Tristan Caruana, plejer ta’ Balzan iffaċċja lil ħuh Lucas li huwa parti mill-iskwadra tal-avversarji li lagħbu kontrihom nhar il-Ħadd li għadda Hibernians.
LI wara biss tlett logħbiet St Andrew’s bidlu l-kowċ tagħhom hekk kif ħatru lil Charles Muscat. Taħt il-predeċessur tiegħu Ramon Zammit, is-Saints kellhom punt wieħed biss fiċ-Challenge League miksub minn draw kontra Attard.
LI l-plejer ta’ Mgarr United Christian Saint Ebis skorja xejn anqas minn sitt gowls fir-rebħa li t-tim tiegħu kiseb kontra Għaxaq bl-iskor kbir ta’ 10-0 mill-Kampjonat Amateur. Huwa skorja hat trick f’kull taqsima.
//= $special ?>