Internazzjonali

Gaza: Rejds mill-qawwiet Iżraeljani fost il-konfronti mat-terroristi tal-Ħamas…Aktar ċivili Palestinjani maqtula fil-bumbardamenti

Il-militar ta’ Iżrael, fl-aħħar sigħat, organizza sensiela ta’ rejds limitati fuq inħawi ta’ Gaza fejn kien hemm preżenza qawwija tal-Ħamas. Dan seħħ bħala parti minn pjan biex jinstabu u jinħelsu l-ostaġġi li kienu nħatfu waqt l-invażjoni ta’ Iżrael mit-terroristi Iżlamiċi, fis-7 ta’ Ottubru li għadda.

Ir-rejds anki kellhom l-iskop li ‘jnaddfu’ ċerti zoni mit-terroristi, b’dawn l-azzjonijiet ikomplu b’regolarità matul il-lejl tal-Ħadd u t-Tnejn.Is-suldati Iżraeljani kienu appoġġjati bit-tankijiet tal-gwerra u l-pjan kien jinvolvi l-eliminazzjoni ta’ terroristi ‘li qed iħejju għall-fażi li jmiss tal-gwerra’ ma’ Iżrael.

Fl-istess ħin – u waqt li r-rejds mhumiex parti mill-offensiva kbira tal-art fuq il-Ħamas li qed tidher imminenti —  is-suldati Iżraeljani komplew ifittxu l-lokalitajiet potenzjali fejn tal-Ħamas qed iħommu lill-ostaġġi. Dan ukoll meta l-Iżraeljani qed jiksbu aktar informazzjoni dwar il-familji Iżraeljani li ma dehrux aktar wara l-attakk terroristiku tas-7 ta’ Ottubru.

Kelliema għall-qawwiet Iżraeljani żvelaw anki sitwazzjoni fejn tal-Ħamas sparaw il-missili lejn it-truppi tagħhom, b’suldat jisfa maqtul u bi tlieta oħra jindarbu. Il-każ seħħ lejn il-lvant ta’ Khan Younis u wara li l-militar Iżraeljan daħal numru ta’ metri ‘il ġewwa fl-art ta’ Gaza,.

Min-naħa tagħhom, kelliema għall-Ħamas qalu li kienu involuti f’numru ta’ konfronti mas-suldati fost rapporti –mhumiex ikkonfermati – li rnexxielhom jeqirdu tank tal-gwerra u xi bulldozers tal-Iżraeljani.

Fl-aħħar sigħat ukoll komplew il-bumbardamenti ta’ Gaza mill-qawwiet Iżraeljani, b’uffiċjali tal-Ħamas isostnu li mietu aktar għexieren ta’ nies b’konsegwenza. Intant, l-Aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati qalet li s-sitwazzjoni fin-nofsinar ta’ Gaza tant saret iddisprata li ħafna ċivili qed jirritornaw fl-artijiet lejn in-naħa ta’ fuq tat-territorju, minkejja li din iz-zona qed tinkwadra fil-pjani għall-‘attakk kbir’ mill-Iżraeljani.

Il-Ministeru tas-Saħħa f’Gaza, li hu mmexxi mill-Ħamas, qal  li nqatlu kważi 5,000 persuna f’Gaza fi kważi tlett ġimgħat ta’ gwerra – b’Iżrael jippersisti bil-bumbardamenti li qerdu lid-diversi distretti u neighbourhoods.

L-Iżraeljani anki qed imexxu l-azzjonijiet militari fix-Xatt tal-Punent bħala estensjoni tal-gwerra kontra t-terroristi.

Dan waqt li l-qawwiet tad-difiża Iżraeljani fix-Xatt tal-Punent ikkonfermaw li – mis-7 ta’ Ottubru ‘il hawn – irnexxielhom jarrestaw madwar 800 Palestinjan mfittxija minnhom u li talanqas 500 minnhom huma affiljati mal-Ħamas. Qed jingħad ukoll li saru madwar 100 arrest fix-Xatt tal-Punent matul il-lejl tal-Ħadd u t-Tnejn,