Lokali Parlament

Il-gvern naqas li jiddefendi l-interessi tal-poplu u ddefenda lil Vitals u Steward


Adrian Delia, PN


Id-deputat Nazzjonalista Adrian Delia qal fil-parlament li l-Qorti tal-Appell stabbiliet li min kellu jiddefendi l-interessi tal-pajjiż naqas u kellu aktar interess li jiddefendi l-interessi ta’ Vitals u Steward milli jiddefendi l-interess tal-poplu; il-gvern naqas minn dmuru lejn il-pajjiż.


Id-deputat Nazzjonalista sostna li Vitals wiegħdu investiment ta’ €174 miljun li minnhom ma sar xejn u kompla li Vitals lanqas nefqu minkejja li l-gvern xorta ħallashom għal dak li m’għamlux. Adrian Delia żied li l-kawża tiegħu kienet kontra Vitals, Steward, Joseph Muscat, Robert Abela, l-Avukat Ġenerali, l-INDIS u l-Awtorità tal-Artijiet.


Il-gvern m’appellax minn dik id-deċiżjoni u għalhekk aċċetta li kien hemm il-frodi, sostna Adrian Delia, li qal li l-Qorti tal-Appell marret pass ieħor u sabet li mhux biss kien hemm frodi iżda l-kompliċità tal-gvern.
Il-Qorti ddikjarat li l-frodi ma kinux inganni minn waħda mill-partijiet iżda kollużjoni bejn iż-żewġ partijiet. Din hi l-kompliċità tal-gvern, sostna d-deputat Nazzjonalista, li żied li l-kompliċità tal-gvern hu wieħed ċar.


Adrian Delia qal li tmien snin ilu l-ex Ministru Konrad Mizzi iffirma l-ftehim tat-tliet sptarijiet, li kien bagħat ukoll email lil Mosasck Fonesca u qallhom biex jiftħu l-kontijiet fil-Panama.
Id-deputat Nazzjonalista qal li l-gvern iddefenda għal ħames snin lill-barranin frodisti u sostna li l-gvern kien dikjarat gvern frodist li ttradixxa lill-poplu.


Adrian Delia sostna li l-Prim Ministru mhux serju meta jgħid li Steward m’għamlux il-kamra tal-banju biss. Hu kompla li l-Prim Ministru għandu jmur bil-media Laburista biex imorru l-isptar biex juri kemm dan l-isptar tħalla abbandunat. Adrian Delia kkwota mis-sentenza tal-Qorti tal-Appell li tgħid li l-interess tal-gvern kien li jġedded iż-żmien lil Virtals u Steward minkejja li dawn ma kienu qed jagħtu xejn lura.


Id-deputat Nazzjonalista qal li l-gvern ipprova jagħti l-impressjoni li kollox miexi ‘il quddiem; “sraqtu €400 miljun u kontu miftiehma magħhom qabel, waqt u wara l-kuntratt”


Adrian Delia qal li minkejja t-twissijiet li għamel il-PN, il-gvern baqa’ jtiehom il-miljuni lil Vitals u Steward; “dak li għamel il-Prim Ministru!” Dwar l-€400 miljun, Adrian Delia qal li r-rapport tal-Awditur Ġenerali jgħid li kien hemm €182 miljun oħra f’pagi. Adrian Delia ikkonferma li l-Gvern Laburista ta €400 miljun lil Vitals/Steward li kien maqsuma f’€250 miljun, €70 miljun u €80 miljun.


Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-gvern kellu għall-inqas jitlob skuża u jammetti li żbalja wara li l-Qorti tal-Appell iddikjarat li l-gvern kien iffroda lill-poplu. Id-deputati laburisti kollha bla kuxjenza, sostna Adrian Delia, li kompla li l-Prim Ministru tkellem fuq kollox minbarra s-sentenza tal-Qorti tal-Appell iżda l-poplu għandu maturità iktar mill-Prim Ministru u qed jifhmu dak li qalet il-Qorti tal-Appell. Il-poplu ma jista’ qatt jafda gvern li jffrodah b’dan il-mod.


Adrian Delia qal li l-Qorti tal-Appell stabbiliet li mhux magħruf għaliex min kellu jiddefendi l-interessi tal-pajjiż, naqas u kellu iktar interess li jddefendi lill-barranin korrotti. Il-Qorti tal-Appell stabbiliet li l-gvern hu kompliċi u ftiehem mal-barranin korrotti biex tradixxa lill-poplu Malti.


Id-deputat Nazzjonalista qal li kienu Vitals li taw in-notifika ta’ terminazzjoni u sostna li l-Prim Ministru Robert Abela kien żied il-pagamenti minn Steward minn €50 miljun għal €70 miljun għal €80 miljun. Hu qal li Robert Abela qed jirreferi għal Joseph Muscat, Chris Cardona u Konrad Mizzi iżda ma jieħux passi passi għax kif hemm il-kollużjoni mal-barranin kien hemm il-kollużjoni bejniethom.


Adrian Delia appella lill-Prim Ministru biex jiddikjara li se jfittex lil Vitals u Steward u sostna li l-Oppożizzjoni lesta taħdem biex il-pajjiż jikseb lura l-€400 miljun