Il-Qorti tgħid li min kellu dmir iħares l-interessi tal-pajjiż minflok kellu għal qalbu l-interessi ta’ Vitals u Steward
Mhux magħruf għalfejn min suppost kellu dmir li jħares l-interessi tal-pajjiż naqas milli jaħres dawn l-interessi u minflok aktar kellu għal qalbu l-interessi tas-soċjetajiet appellanti….tant li ddefendew il-pożizzjoni tagħhom.
Dan huwa dak li ntqal testwalment iswed fuq l-abjad mis-sentenza li ngħatat mill-Qorti tal-Appell ippreseduta mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti – sentenza li ċanfret għal kollox l-aġir tal-Gvern Laburista mmexxi minn Joseph Muscat u Robert Abela.
F’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech flimkien mad-Deputati Adrian Delia u Stephen Spiteri inqara kif iswed fuq l-abjad il-Gvern tal-Labour naqas minn dmiru lejn il-pajjiż.
Fis-sentenza l-Qorti kompliet tgħid li l-Gvern ma fittix rimedji li kellu jieħu…u kellu jkun biss l-attur, ċioè Adrian Delia dak iż-żmien Kap tal-Partit Nazzjonalista….li fittex l-interessi tal-pajjiż.
Għaldaqstant il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech insista li mhux biss Robert Abela iżda d-Deputati kollha ta’ Gvern Laburista li ddefendew dan id-deal minflok ġabu l-interessi taċ-ċittadin l-ewwel għandhom jerfgħu responsabbiltà.
Dan filwaqt li ħeġġeġ lill-poplu Malti u Għawdxi sabiex nhar il-Ħadd, 29 ta’ Ottubru, isemmgħa leħnu fi Pjazza Kastilja.
Huwa appella wkoll lill-Kummissarju tal-Pulizija, Angelo Gafà biex wara dawn ix-xhur kollha, jibda jieħu azzjoni.

Intant, id-Deputat Nazzjonalista Adrian Delia ddeskriva din is-sentenza bħala waħda storika u bla ebda preċedent li turi biċ-ċar il-kompliċità tal-Gvern li tradixxa lill-poplu Malti u Għawdxi.
Testwalment is-sentenza tal-Qorti tgħid li ma kienx hemm qerq minn naħa – ċioè ta’ Vitals u Steward u inġenwità mill-oħra…ċioè tal-Gvern kif għamlet l-ewwel qorti….iżda l-Qorti tal-Appell sabet kollużjoni biex jilħqu għanijiet oħra. Li minflok ħarsu lejn l-interess tal-pajjiż….komplew iġeddu ż-żmien tas-soċjetajiet…u komplew il-ħlasijiet.
Il-Qorti spjegat li l-frodi kien miż-żewġ naħat, hekk kif il-Gvern nstab li baqa’ jħallas il-miljuni ta’ ewro sabiex jagħti l-impressjoni li kollox kien għadu miexi ‘l quddiem kif suppost u li kien biss faċċata minflok l-hekk imsejjaħ real deal.
Adrian Delia insista li l-Gvern tal-Labour li dan huwa att kriminali tal-għola livell – pjan abbużiv u immorali fil-konfront tal-familji Maltin u Għawdxin.
Dan filwaqt li d-Deputat Stephen Spiteri temm jgħid li filwaqt li l-verita rebhet…il-poplu Malti u Għawdxi tilef – għadu qed jitlef u se jkompli jitlef għaż-żmien li ġej minħabba li waqt li l-Gvern tal-Labour kien qed jagħti l-mijiet ta miljuni ta ewro waqt li kien jaf li kien ftehim frawdolenti…..naqas milli jwieġeb għal infrastruttura adegwata fis-servizzi mediċi.
Huwa saħaq li pajjiżna għadu fost oħrajn mingħajr sptar ġdid f’għawdex, mingħajr sptar ġdid għal kura psikjatrika, bi stennija twila għal appuntamenti u operazzjonijiet. Minflok….għażel li jagħmel gwadann a skapitu tas-saħħa tal-familji Maltin u Għawdxin.
Ilkoll appellaw lill-poplu Malti u Għawdxi sabiex nhar il-Ħadd b’vuċi waħda jappellaw lill-Gvern ta’ Robert Abela sabiex jagħti l-mijiet ta’ miljuni ta’ ewro lura …. u sabiex xi ħadd jerfa’ responsabbiltà poltika kif inhu xieraq.
