Lokali

Indjani jallegaw li nġibu Malta b’wiegħda ta’ xogħol iżda minflok jitilqu b’dejn kbir

Numru ta’ Indjani residenti f’pajjiżna qed jallegaw li nġibu Malta b’wiegħda ta’ xogħol li jħallas tajjeb; iżda minflok qed jispiċċaw jitilqu lura lejn pajjiżhom b’dejn kbir – storja li tikkonferma abbuż sfaċċat, li qed jibbaża fuq il-mudell ekonomiku li ħaddem il-Gvern ta’ Abela f’dawn l-aħħar snin.

Rahman Khan, Indjan li tkellem mat-Times of Malta, irrakkonta kif hu kellu jħallas €6,000 lil aġenzija tax-xogħol bl-isem ta’ Abroad Study Plan sabiex jiġi f’pajjiżna. Din il-kumpanija tibgħat lin-nies lejn Malta u stati oħra Ewropej biex jaħdmu f’dawn il-pajjiżi.

Minn disa’ persuni li tkellmu mal-gazzetta, seba’ minnhom qalu li spiċċaw bla impjieg wara li waslu f’pajjiżna. Dan filwaqt li kollha kkonfermaw li ħalsu eluf ta’ ewro.

Ġimgħat wara, dawn għadhom bla impjieg u bla paga.

Permezz ta’ filmati fuq Youtube, is-sid tal-kumpanija qed iwiegħed salarju li jibda minn €1,700 u kapaċi jlaħħaq €2,250 fix-xahar.

Khan qal li hu kien ġie Malta s-sena l-oħra fuq din il-wiegħda iżda mar lura l-Indja wara xahrejn bla xogħol. Huwa kien irritorna Malta f’April li għadda hekk kif kien intqal li issa hemm xogħol jistennih. Madanakollu, għal darb’oħra iddaħħal f’nasba hekk kif ilu 6 xhur bla xogħol, jgħix fuq il-flus li qraba tiegħu bagħatulu mill-Indja.

Huwa kien ġie pajjiżna biex iħallas id-dejn li kellu minħabba li n-negozju tiegħu lura pajjiżu kien sfaxxa fix-xejn. Iżda minflok spiċċa ħallas dan id-dejn, spiċċa f’dejn akbar.

Din l-istorja żvelata mit-Times titfa’ dawl fuq il-mudell ta’ cheap labour u abbużi li qed jikkaraterizzaw is-settur tax-xogħol.