Il-Ministru Arġentin għall-Ekonomija, Sergio Massa, b’sorpriża kbira, ħareġ l-aħjar fost il-kandidati li qed jikkuntestaw għall-Presidenza tal-Arġentina wara li kiseb ‘il fuq minn 36 fil-mija tal-vot fl-elezzjoni tal-Ħadd.
Ftit kienu qed jistennew wirja daqstant tajba minn Massa, konservattiv, wara li l-istħarriġ pubbliku, qabel, ma indikax li hu kellu jisfida għall-Presidenza b’mod daqstant qawwi.
U waqt li Massa falla mill-maġġoranza stabbilita biex jiggverna (45 fil-mija) hu għandu jisfida bis-sħiħ lil Javier Milei, il-kandidat estremista tal-lemin u favorit mal-votanti żgħażagħ, li kiseb it-tieni l-akbar numru ta’ voti bi 30 fil-mija tal-appoġġ popolari.
Għaldaqstant, it-tieni fażi deċiżiva ta’ din l-elezzjoni se tkun ikkuntestata bejn Massa u Milei fid-19 ta’ Novembru.
Dan wara li Patricia Bullrich, konservattiva oħra u eks-Ministru responsabbli mis-Sigurtà, spiċċat it-tielet fl-elezzjoni tal-Ħadd b’24 fil-mija tal-vot.
Qabel l-elezzjoni tal-Ħadd is-sinjali kienu li l-elettorat kien lest biex jagħti disfatta kbira li ll-Ministru Massa wara li hu presieda fuq kriżi finanzjarja li qed tolqot kull familja fl-Arġentina…Kriżi fejn l-inflazzjoni, fuq livell nazzjonali, hu kalkulat mal-140 fil-mija u fejn il-faqar sar pjaga kbira għall-pajjiż.
U waqt li l-partitarji ta’ Massa kienu qed jiċċelebraw ir-riżultat tal-ewwel fażi tal-elezzjoni, Patricia Bullrich bagħtet messaġġ ċar lil Sergio Massa fejn qaltlu li hi ‘ma kenitx lesta li tifraħ lil kandidat li kien jifforma parti mill-agħar Gvern fl-istorja tal-Arġentina’.
//= $special ?>