Fl-Iran żdied l-għadab tan-nies għall-Pulizija responsabbli mill-Moralità Iżlamika waqt li tfajla adolexxenti kienet qed tinżamm ħajja fuq il-magna b’riżultat ta ‘konfront’ li seħħ ġranet ilu bejnha u l-uffiċjali ta’ dik it-taqsima.
It-tfajla ta’ 16-il sena, Armita Geravand, waqgħet f’koma ftit wara li hi u żewġt iħbieb kienu telgħu fuq terrovija tal-metro f’Tehran. L-attivisti fl-Iran issa qed jakkużaw lill-Pulizija għaz-zamma tal-Moralità b’li aggredew lil Geravand talli hi ma kenitx liebsa l-hijab li hu parti ‘indiskutibbli’ tal-ilbies tal-mara fl-Iran.
L-awtoritajiet Iranjani qed jirribattu għal dan fost stqarrijiet li t-tfajla kienet ‘intilfet minn sensiha minħabba raġuni medika’ – bil-ġenituri ta’ Armita u l-attivisti ma jipprovdux dettalji konkreti dwar il-kundizzjoni tat-tfajla li kienet taħt sigurtà stretta fi stpar ta’ Tehran. Huma wkoll indikattivi l-filmati tas-CCTV li juru lill-ħbieb tat-tfajla u passiġġieri oħra qed iġorru lil Armita, li kienet mitlufa minn sensiha, mill-ferrovija għal fuq platform ta’ stazzjon.
Il-każ ta’ Armita Geravand qed ikun paragunat mat-traġedja ta’ Mahsa Amini, il-mara żgħażugħa li f’Settembru tal-2022 kienet mietet wara li spiċċat arrestata mill-Pulizija għall-Ħarsien tal-Moralità talli hi ma kenitx liebsa l-hijab kif suppost. Ix-xhieda kienu qalu li Amini spiċċat ‘imsawwta sakemm mietet’ bl-awtoritjiaet Iranjani wkoll jattribwixxu mewtha għal xi kundizzjoni medika.
Il-mewt ta’ Amini – tlett ijiem wara li kienet waqgħet f’koma — wassal għal protesti popolari kbar kontra l-Gvern Iranjan u li għadhom għaddejjin sallum. Mijiet ta’ nies, sadanittant, inqatlu, b’eluf jispiċċaw arrestati fost ir-reazzjoni vjolenti tal-qawwiet tas-sigurtà għal dawn il-protesti.
//= $special ?>