Lokali Qorti

Tmien snin u nofs ħabs minflok għadda ġuri wara li ammetta li “kważi qatel lit-tfajla”

Miloud Elforjani, Libjan ta’ 41 sena ġie kundannat tmien snin u nofs ħabs wara li ammetta ftit tal-ħin qabel ma kellu jibda għaddej għaddej ġuri fuq akkuża ta’ attentat ta’ qtil tal-eks tfajla tiegħu. Madankollu hu nsista li dan hu kwalifikat meta “volontarjament waqaf” milli pprova joqtol lis-sieħba tiegħu.

Dan it-terminu kien aċċettat ukoll minn naħa tal-prosekuzzjoni u għalhekk permezz ta’ patteġġament kien hemm qbil mal-partijiet. Il-Qorti qalet li mill-piena jrid jitnaqqas iż-żmien li Elforjani għamel taħt arrest preventiv. Huwa ġie mmultat wkoll €116.47ċ permezz uża arma bla liċenzja u jrid iħallas is-somma ta’ €3,139.59ċ fi spejjeż tal-Qorti.

L-inċident seħħ tliet snin ilu f’Buġibba fil-karozza tal-vittma stess li hi ta’ nazzjonalità Maltija. Is-sentenza mistennija tingħata aktar tard illum. L-Akkuża prinċipali kienet li ta daqqiet ta’ mus lill-eks sieħba tiegħu wara li r-relazzjoni tal-koppja kienet marret ħażin meta sar magħruf li l-mara ħarġet tqila u nfurmat lill-akkużat li t-tarbija li kienet qed tistenna ma kienitx tiegħu u li riedet ittemm ir-relazzjoni minn megħu.

L-ewwel Kap tal-Akkuża, l-aktar waħda serja tgħid li fl-2016 Elforjani kien beda relazzjoni ma’ mara li kellha erbat itfal. Waqt ir-relazzjoni tagħha mal-akkużat, hi nqabdet tqila u kellha tarbija oħra, liema tarbija l-akkużat ħaseb li kienet tiegħu. Il-problemi bdew meta l-mara qalet lis-sieħeb tagħha li t-tarbija ma kienitx minn tiegħu u nfurmatu li xtaqet ittem ir-relazzjoni ta’ bejniethom.

Ir-raġel qatt ma aċċetta l-fatt li t-tarbija ma kienitx tiegħu u li hi xtaqet li ttem ir-relazzjoni ta’ bejniethom. Skont l-Att tal-Akkuża, waqt l-interogazzjoni tiegħu mill-Pulizija, r-raġel ammetta li kien jgħidilha u jheddidha li t-tfal ma kienitx se trabbihom għaliex kien se joqtolha u jidfinha.

Din is-sitwazzjoni baqgħet sejra sakemm fil-jum tat-Tlieta tal-10 ta’ Novembru tal-2020, Elforjani bagħtilha messaġġ u wara li din ċemplitlu lura, qalilha biex tiltaqa’ miegħu.Għall-ħabta tal-4.30pm. ta’ l-istess jum il-mara marret tiltaqa’ miegħu bil-karozza tagħha viċin iċ-ċinema f’Buġibba, fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar. Hi pparkjat u ltaqgħet miegħu.

L-akkużat daħal fil-karozza tagħha u bdew jitkellmu. Wara li damu jitkellmu għal xi ħin, l-eks tfajla tiegħu reġgħet qaltlu li ma xtaqitx li tibqa’ f’relazzjoni miegħu għaliex kienu jiġġieldu ta’ spiss u ma kienitx qed tara kif setgħu jimxu ‘l quddiem.

X’ħin sema’ hekk, l-akkużat irrabja ħafna u qalilha biex iċċempel lil ommha biex iselli għaliha u għat-tfal tagħha għaliex kien se joqtolha. F’dak il-ħin, wara li hi rriffjutat li ċċempel lil ommha biex ma tinkwetahiex, Elforjani ħareġ mus minn ġol baskett li kellu mdendel miegħu u bl-intenzjoni li joqtol jew li jqiegħed il-ħajja tagħha f’periklu ċar, qabda dan il-mus u ta diversi daqqiet f’diversi partijiet tal-ġisimha.

Dawn id-daqqiet ġew mogħtija b’tant saħħa li wasslu biex hi ġġarrab diversi feriti fosthom leżjoni fonda li ppentrat l-abdominal cavity (l-istonku, l-imsaren, il-fwied, il-frixa, il-bużżieqa tal-marrara, il-milsa u l-kliewi, u l-parti t’isfel tal-kanal li jwassal sa l-istonku). Saru wkoll żewġ inċiżjonijiet fiż-żaqq, hekk kif determinat mill-espert tal-Qorti, Dr. Mario Scerri. Il-vittma ġarrbet ukoll feriti oħra fosthom fil-pala ta’ jdejha x-xellugija.

L-Akkuża tgħid ukoll li dak il-ħin il-mara ppruvat toħroġ mill-karozza iżda l-akkużat ġibidha minn xagħarha. Hi ppruvat iddur biex tipprova tinqala’ minn miegħu u ma jkomplix jagħtiha u b’xorti tajba rnexxielha tiżgiċċa minn taħt idejh fejn hi nstabet barra mill-karozza.

Wara li ssejħet l-għajnuna tal-Pulizija, hi ttieħdet mill-ewwel l-isptar Mater Dei għall-kura fejn hi ġiet salvata grazzi għall-intervent tat-tobba. B’kollox Elforjani qed jiġi akkużat b’Sitt Kapi ta’ Akkuża. It-tieni Kap tal-Akkuża tgħid li hu kkaġuna feriti gravi fuq l-eks tfajla tiegħu bi strument li jaqta’ u bil-ponta. It-Tielet Kap jakkużah li ġarr arma li taqta’ u bil-ponta mingħajr liċenzja tal-Kummissarju tal-Pulizija, u r-Raba’ Kap li kkommetta fastidju fuq il-vittma.

Il-Ħames Kap ta’ Akkuża tgħid li kkaġuna biża fuqha, dik li se titwettaq vjolenza fil-konfront tagħha, u s-Sitt u l-aħħar Akkuża tgħid li kiser il-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja. Fuq il-każ ta’ tentattiv ta’ qtil l-Avukat Ġenerali qed jitlob li Elforjani jiġi kundannat għall-piena ta’ mhux inqas minn tmien snin ħabs sa massimu ta’ 40 sena.

Għal Libjan qed jidher l-Avukat Roberto Montalto filwaqt li l-Avukat Abigail Caruana qed tmexxi l-Prosekuzzjoni f’isem l-AĠ.  Il-każ kien investigat mill-Ispetturi Audrey Micallef u Ryan Vella.