Raġel minn Ħal Qormi li kien akkużat aktar kmieni dan ix-xahar wara li l-pulizija skoprew żewġ kilogrammi ta’ eroina moħbija fil-magna tal-ħasil tiegħu ngħata l-ħelsien mill-arrest, wara li qatta’ l-aħħar tliet ġimgħat arrestat.
Nicholas Farrugia ta’ 31 sena kien ġie arrestat waqt operazzjoni kkoordinata mill-iskwadra tad-droga tal-pulizija fit-30 ta’ Settembru. Waqt ir-rejd li kien sar fil-jum tas-Sibt filgħodu nstabu żewġ kilogrammi ta’ dik li l-pulizija jissuspettaw li hija eroina, flimkien ma’ nofs kilogramma suspettata kokaina.
Farrugia kien arrestat il-Marsa għall-ħabta tas-6:30am tas-Sibt. Tfittxija fil-vettura tiegħu wasslet lura tliet mowbajls flimkien ma’ għadd ta’ qratas ta’ sustanzi maħsuba li huma droga, li kienu diġà ppakkjati u lesti biex jinbiegħu.
Tfittxija sussegwenti f’resdienza f’Ħal Luqa proprjetà tar-raġel wasslet għas-sejba tal-eroina u l-kokaina, moħbija ġewwa ċ-ċilindru tal-magna tal-ħasil. Id-droga kienet stmata li kellha valur fit-triq ta’ €130,000.
L-Ispettur Jonathan Pace kien akkuża lil Farrugia li kellu fil-pussess tiegħu kokaina u eroina bl-intenzjoni ta’ traffikar, li kiser il-kundizzjonijiet preċedenti ta’ pleġġ u li sar reċediv.
Meta t-Tnejn kompla l-każ kontra Farrugia, il-Qorti semgħet uffiċjal tax-xena tad-delitt li kien mar fuq il-post u biex jiddokumenta d-droga skoperta fit-Toyota Vitz u fil-farmhouse. L-oġġetti ġew fotografati u katalogati u l-marki tas-swaba’ tneħħew, huwa qal.
Fi tmiem is-seduta qasira tal-lum, il-Maġistrat Elaine Mercieca laqgħet rikors ta’ libertà proviżorja li qabel kienet ippreżentata mid-difiża, u ħelset lil Farrugia mill-arrest kontra depożitu ta’ €8,000 u garanzija personali ta’ €10,000.