Se nibqgħu ninsistu kuljum biex il-Kummissarju tal-Pulizija jagħmel xogħlu u se nżommuh responsabbli għan-nuqqas ta’ azzjoni. Se nibqgħu nagħmlu l-pressjoni biex issir ġustizzja, jintrefgħu r-responsabbiltajiet politiċi u nġibu lura l-€400 miljun.
Dan kien il-messaġġ tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech lill-media fi tmiem laqgħa li kellu mal-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà, fejn, flimkien mad-Deputat Adrian Delia, ippreżentalu talba uffiċjali biex jagħmel dmiru u jinvestiga lil dawk kollha li kienu nvoluti fl-akbar frodi – dak tal-isptarijiet – li swiena €400 miljun, fejn il-Qorti kkonfermat li esponenti tal-Gvern kif ukoll Vitals u Steward ftehmu b’konfoffa minn wara dahar ħaddieħor biex jiggwadanjaw huma.
Akkumpanjat ukoll mid-Deputat Karol Aquilina, il-Kap tal-Partit Nazzjonalisat nsista li l-Kummissarju tal-Pulizija għandu jiltaqa’ magħhom wara li ma kienx preżenti fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija. Wara l-insistenza li saret, Angelo Gafà wasal id-Depot u ltaqa’ mat-tliet Deputati tal-Partit Nazzjonalista.
Min-naħa tiegħu, Adrian Delia qal li Angelo Gafà għandu d-dmir li jinvestiga lil min wettaq danni fuq il-vittmi, fejn f’dan il-każ, il-vittma hu l-poplu Malti u Għawdxi kollu. Hu tenna li l-Kummissarju tal-Pulizija għandu jibda jinvestiga minnufih u jagħti din l-investigazzjoni prijorità assoluta.
Mal-ġurnalisti, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista spjega li nżammet diskussjoni twila u dettaljata mal-Kummissarju tal-Pulizija, fejn Angelo Gafà kkonferma li mhu qed jagħmel l-ebda investigazzjoni separata mill-Inkjesta Maġisterjali dwar il-frodi tat-tliet sptarijiet.
Min-naħa l-oħra, hu skuża ruħu mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista u mad-Deputati preżenti li, wara ħames xhur mid-denunzja li ġiet ippreżentata f’Mejju li għadda, ma ħassx il-bżonn li jibgħat għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista u għal Adrian Delia biex jagħtihom xi forma ta’ feedback
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li se tibqa’ ssir pressjoni, ladarba jidher ċar li hemm min m’għandux interess li ssir ġustizzja minkejja d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Appell.
Għaldaqstant, u quddiem dan il-falliment tal-istituzzjonijiet, il-Ħadd li ġej, il-poplu hu mistieden jingħaqad mal-Partit Nazzjonalista fil-Protesta Nazzjonali biex tkompli ssir pressjoni pubblika ħalli jinġiebu lura l-€400 miljun u jintrefgħu r-responsabbiltajiet politiċi.
//= $special ?>