Gwardjan tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin ġie lliberat minn akkużi li ħames snin ilu wettaq attivitajiet sesswali ma’ priġuniera ta’ 15-il sena fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. It-tfajla kienet ukoll akkużatu li stupraha.
Joseph Zammit ta’ 57 sena ma nstabx ħati mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit li qalet li wara li semgħet il-provi huwa każ ċar ta’ storja vvintata. Il-prosekuzzjoni spjegat li l-allegati reati saru fit-taqsima taż-żgħażagħ nisa fil-ħabs.
L-allegata vittma akkużat lil Zammit b’avvanzi sesswali, b’kummenti sesswali li qalet kien jgħaddilha. Allegat, li l-gwardjan kien jikummentalha dwar il-figura tagħha waqt li kienet tkun qed tinħasel. Akkużatu wkoll b’sess orali magħha u li stupraha fil-washroom.
Ħabiba tal-priġuniera xehdet li l-gwardjan kien jikkummenta dwar sider l-allegata vittma. Allegat, li anki hi sfat iffastidjata minn Zammit. L-akkużi serji wasslu biex skattat investigazzjoni interna kontra Zammit. Madankollu l-kollegi tal-akkużat xehdu li Zammit kien raġel eżemplari.
Qalu, li kien jagħmel xogħol ta’ manutenzjoni fil-ħabs madwar darbtejn fil-ġimgħa u xehdu li huwa dejjem ħadem fil-preżenza t’uffiċjal mara. Zammit saħaq li kien innoċenti u baqa’ jwieġeb mhux ħati għall-akkużi f’każ li nstema’ bil-magħluq.
Għall-Qorti mhux biss din hija storja vvintata iżda ddeskriviet lill-allegata vittma bħala “makakka” u nnotat li wettqet diversi reati kriminali fosthom heddet lil gwardjan mara li kienet se titlef lil uliedha. Il-Qorti kkonkludiet ukoll li l-prosekuzzjoni ma rnexxilhiex tipprova l-każ billi fost l-oħrajn lanqas ippreżentat il-filmati tas-CCTV’s li jinsabu qrib il-washroom fejn it-tfajla allegat li Zammit stupraha. Għall-akkużat dehru l-avukati Franco Debono u Herman Mula.
//= $special ?>