Internazzjonali

Il-Gwerra fil-Lvant Nofsani: Franza lesta biex tissieħeb fil-ġlieda kontra l-Ħamas

Il-President ta’ Franza, Emmanuel Macron iltaqa’ f’Ġerusalemm mal-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu bħala parti mill-impenji diplomatiċi li qed isiru bħalissa f’Iżrael u bnadi oħra tar-reġjun.

Waqt din il-laqgħa, Macron wiegħed lil Netanyahu li Iżrael mhux se jkun waħdu fit-taqbida kontra t-terrur u li Franza lesta biex il-koalizzjoni internazzjonali li qed tiġġieled kontra l-ISIS fl-Iraq u fis-Sirja ( li l-Franċiżi jiffurmaw parti minnha) tiġġieled wkoll kontra l-Ħamas.

Macron wissa wkoll lill-Iran u lill-militanti Lebaniżi Xiti tal-Hezbollah – it-tnejn alleati tal-Ħamas — biex ma jiftħux front tal-gwerra oħra qalb iz-zoni li jmissu mat-Tramuntana ta’ Iżrael.

Hu tenna, fost oħrajn, li eskalazzjoni tal-ġlied fuq livell hekk serju għandu jiftaħ il-bieb għal gwerra reġjonali li fiha jispiċċa jitlef kulħadd.