Lokali Qorti

Immultat €6,000 talli sprejja graffiti ma’ Bieb il-Bombi bil-kliem ‘I love you Dali’

Raġel ta’ 42 sena li qal li huwa pizzar ammetta li sprejja graffiti ma’ Bieb il-Bombi (Portes des Bombes) fil-Floriana fejn sostna li kien messaġġ ta’ mħabba lis-sieħba tiegħu. Ionut Cezar Marin ġie mmultat €6,000 u ngħata sentenza ta’ sentejn ħabs, sospiżi għal erba’ snin mill-Maġistrat Lara Lanfranco.

Iċ-ċittadin Rumen, li jgħix l-Imsida, ammetta li wettaq ħsara volontarja lill-monument ikoniku li jmur lura għall-1600s protett bħala proprjetà kulturali skont l-Att dwar il-Patrimonju Kulturali. Il-graffiti tiegħu, li kien jgħid il-frażi ‘Inħobbok Dali’ kien maħsub bħala messaġġ ta’ mħabba lis-sieħba tiegħu.

Huwa kien qed jiffaċċja multa massima possibbli ta’ €250,000, mhux inqas minn €2,000 u priġunerija ta’ mhux aktar minn sitt snin. Il-monument kien nstab vandalizzat fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu. Fis-sit kienu ntbagħtu malajr esperti tar-restawr u l-isforzi biex inaddfu l-graffiti taħt is-superviżjoni tas-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali.