Residenti f’waħda mid-djar tal-anzjani tal-Knisja, Dar Saura fir-Rabat, se jiġu rilokati f’residenzi aktar moderni biex ikollhom ambjent aħjar ta’ kura u iżjed dinjituż.
Is-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi, Michael Pace Ross qal: “F’dawn l-aħħar snin kien qed jidher biċ-ċar li jekk ma jsirx ristrutturar maġġuri, Dar Saura mhux se tkun tista’ toffri l-kwalità tal-ħajja li tixraq lill-45 resident tagħha, u għalhekk, il-Knisja se tkun qed tipprovdi alternattivi aħjar għalihom.
“Naturalment nifhmu li din id-deċiżjoni se tikkawża xi tfixkil f’ħajjithom u se nkunu qed nagħmlu dak kollu possibbli biex it-tranżizzjoni tkun kemm jista’ jkun bla xkiel. Il-benessri tagħhom jibqa’ l-ogħla prijorità tagħna, u se nkunu qed nieħdu ħsiebhom.”
L-Arċidjoċesi se tassisti wkoll lill-ħaddiema full-time tar-residenza biex jiġu impjegati fi ħdan is-settur tal-kura, fejn hemm domanda sinifikanti għas-servizzi tagħhom.
Is-Sur Pace Ross ipprovda dettalji dwar ir-rilokazzjoni lir-residenti, lill-qraba, u lill-ħaddiema waqt laqgħa fir-residenza mmexxija mill-Knisja, li matulha spjega li Dar Saura se tieqaf topera sar-rebbiegħa tas-sena d-dieħla.
Wara li tingħalaq, din il-binja skedata tas-seklu 17 —li oriġinarjament kienet tintuża bħala sptar għal nies li jbatu minn mard kroniku— se titranġa u tintuża għal skopijiet oħra, li għadhom iridu jiġu deċiżi
//= $special ?>