Internazzjonali

Iżrael-Gaza: Provi viżwali tal-ħruxija tal-Hamas

Il-Kapijiet tal-grupp terroristiku tal-Ħamas kienu ilhom jippjanaw l-attakki storiċi tas-7 ta’ Ottubru fuq il-komunitajiet tal-Iżraeljani ‘il hinn minn Gaza u llum – aktar minn qatt qabel – ħareġ biċ-ċar li t-terroristi riedu jwasslu l-messaġġ li mhemm l-ebda limitu għall-brutalità tagħhom. Intant, kollox, issa, qed jidher ċar grazzi għall-filmati li l-Iżraeljani xandru għall-ġurnalisti biex juru l-intenzjonijiet u azzjonijiet indiskriminattivi tal-Ħamas.

Il-filmati setgħu jintwerew wara li kienu rkuprati l-webcams tat-terroristi li nqatlu mill-qawwiet Iżraeljani ftit wara l-massakri taċ-ċivili qalb il-komunitajiet viċin il-fruntiera ta’ Iżrael ma’ Gaza.

Dawn il-filmati, flimkien ma’ oħrajn meħudin mis-CCTV u t-telefons ċellulari tat-terroristi u l-vittmi juri mingħajr ħjiel ta’ dubju li l-Ħamas kienu determinati li joqtlu u jbiċċru anki lit-tfal u l-familji innoċenti bl-aktar mod feroċi waqt l-attakki sistematiċi fuq in-neighbourhoods ta’ Iżrael. Il-filmati i juru d-dmija mill-qrib u waqt li qed titwettaq f’’real time’ – b’mod partikulari meta t-terroristi kienu qed joqtlu lill-għexieren taż-żgħażagħ waqt festival tal-mużika fin-nofsinar ta’ Iżrael.

L-Armata Iżraeljana, fl-istess ħin, ippreżentat dokumenti li kienu rkuprati mill-katavri tat-terroristi u li jinkludu dettalji dwar il-pjani relatati ma’ dan il-livell straordinarju ta’ terrur — flimkien ma’ struzzjonijiet mingħand il-Kapijiet terroristiċi dwar kif huma kellhom imexxu l-attakki fuq iz-zoni residenzjali f’Iżrael. Id-dokumenti, fl-istess ħin, jirreferu b’mod espliċitu dwar ‘il-ħtieġa li jinħatfu l-ostaġġi’ waqt ir-rejds tas-7 ta’ Ottubru.

Dan kollu sar magħruf permezz ta’ xandira, twila 43 minuta, tal-atroċitajiet tal-Ħamas li kienet preżentata f’bażi militari ta’ Tel Aviv…Xandira li inkludiet il-filmati tat-terroristi qegħdin japplawdu lil xulxin huma u jisparaw għaċ-ċivili li kienu għaddejjin għall-affari tagħhom bil-karozzi u li l-katavri tagħhom tħallew fl-istess vetturi li spiċċaw imtertqin bil-balal.

Il-filmati juru wkoll waqtiet fejn it-terroristi tal-Ħamas daħlu fir-residenzi tal-familji Iżraeljani fejn massakraw bla ħniena lill-ġenituri u uliedhom li kienu qed jippruvaw isibu l-kenn fost l-attakki.  Ixxandar anki każ makabru fejn it-terroristi użaw il-grenades biex itajjru familja sħiħa f’darha stess – b’numru ta’ terroristi li nqabdu priġuniera issa jiżvelaw li kienu ngħataw struzzjonijiet stretti biex ‘jagħmlu li jridu biċ-ċivili Iżraeljani li kellhom jinzertaw waqt ir-rejds.’

Sadanittant, u waqt li madwar id-dinja għaddejjin id-dimostrazzjonijiet kontra l-Iżraeljani u favur il-Ħamas, Iżrael jinsab determinat biex ikompli juri x’seħħ tassew f’dak il-jum iswed għall-Iżraeljani — dejjem bil-ħsieb li jikkuntesta l-kampanji ta’ misinformazzjoni mis-sostenituri u apoloġisti tal-Ħamas u li jridu ipittru lit-terroristi bħala ‘il-vittmi’.