Lokali

“L-akbar skandlu politiku tal-ġenerazzjoni tagħna” – l-editorjal tat-Times of Malta

L-iskandlu tal-isptarijiet, huwa possibilment l-akbar skandlu ta’ din il-ġenerazzjoni u għalhekk jeħtieġ li jibqa’ fuq net tal-aġenda għax-xhur li ġejjin.

L-editurjal ta’ The Times jgħid illi f’pajjiż normali wara li jkun faqa’ skandlu bħal dan, il-Gvern kien jaqa’. Imma f’Malta nafu li dan mhux se jiġri u għalhekk huwa essenzjali li tkompli l-ħidma sabiex issir ġustizzja.

Dan l-editorjal kien ippublikat jum wara li l-Qorti tal-Appell ikkonfermat mhux biss li d-deal kien frawdalenti u li l-isptarijiet iridu jingħataw lura lill-pubbliku, imma wkoll li kien hemm ħadma – konfoffa – bejn il-Gvern u Vitals.

It-Times, fl-editorjal tagħha qalet li mhux biżżejjed li l-Gvern ta’ Robert Abela jibqa’ jgħid li ħa lura l-isptarijiet minngħand Vitals. Dan għaliex l-interess pubbliku jitlob li dawk kollha li billew subajhom f’dan l-iskandlu ta’ mijuni kbar ta’ ewro jitressqu għall-ġustizzja u jittieħdilhom dak kollu li huma ħadu b’mod illegali – €400 miljuni li insterqu mit-taxxi tal-poplu Malti u Għawdxi.

Waqt li dak li qed jagħmel il-Partit Nazzjonalista huwa ta’ bilħaqq sewwa, it-Times tfakkar li l-pulizija kif ukoll l-Avukat Ġenerali għandhom biżejjed provi biex jibdew immedjatament bil-proċeduri; għax bla dubju kellhom biżżejjed żmien sabiex jinvestigaw.

L-editorjal ta’ The Times fakkar ukoll illi il-Qorti qalet b’mod ċar li numru ta’ rappreżentanti tal-Gvern inkluż l-eks Prim Ministru Joseph Muscat, l-Avukat Ġenerali, il-kapijiet tal-INDIS u tal-Lands Authority, għandhom flimkien ma’ Steward iħallsu għall-ispejjeż tal-qorti. Dan waqt li żied jgħid ukoll li l-lista ta’ dawk kollha involuti tmur lil hinn minn dawk imsemmija fil-Qorti tal-Appell.