Lokali

L-iskandlu tal-Vitals: “Saret ħafna ħsara lill-poplu b’dan id-deal”

“Saret ħsara kbira lejn il-poplu Malti u Għawdxi b’din il-ħadma li saret bejn il-Gvern u Vitals, tant illi kwazi f’kull paġna tas-sentenża intużgħat il-kelma frodi.”

Hekk irrimarka Josef Vella, il-Kap Ezekuttiv tal-UHM Voice of the Workers, wara li t-Tnejn filgħodu l-Qorti tal-Appell ikkonfermat is-sentenża tal-Imħallef Francesco Depasquale li ingħatat lura fl-24 ta’ Frar li għadda … fejn kkundannat id-deal frawdolenti u skandaluz tat-tliet sptarijiet li ngħataw mill-Gvern lill-kumpanija privata Vitals u sussegwentament lil Steward.

Waqt il-programm NETLIVE li xxandar minn quddiem il-Parlament…Josef Vella sostna li l-miljuni li intremew f’dan id-deal setgħu intużaw ferm aħjar. Iżda l-għan tal-Gvern ma kienx li jħares l-interessi tal-poplu jew tal-Unions – għaliex ried li tal-qalba jkomplu għaddejijn bit-tir tagħhom.

Minn naħa tiegħu Martin Balzan, il-President tal-Assoċjazzjoni tat-Tobba, insista li l-aktar ħaġa inkwetanti u ta’ dispjaċir għalih u għall-ħaddiema kollha tal-Isptar hi li kemm il-Gvern Laburista kif ukoll l-Avukat tal-Istat baqgħu sal-aħħar jaqbżu għal Steward.

Filfatt, propju ftit siegħat wara d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Appell fil-każ tal-isptarijiet fejn instabet kollużjoni bejn il-gvern, Vitals u Steward kontra l-interessi nazzjonali, il-Prim Ministru Robert Abela reġa’ iddefenda lill-kumpanija Steward – u qal li dawn “taw servizz”.

Minn naħa tiegħu, l-editor in chief tat-Times Herman Grech sostna li l-Gvern spiċċa mitluf fi froġa li ħawwad huwa stess. Hu għadda dawn il-kummenti waqt ix-xandira speċjali li wassal Net Television eżatt wara d-deċiżjoni tal-Qorti.

Intant, f’din l-istess xandira, il-ġurnalist tal-MaltaToday Kurt Sansone sejjaħ id-deċizzjoni tal-Qorti bħala deċizjoni landmark għaliex il-proġett tal-Gvern ma’ Vitals kien wieħed mill-proġetti ewlenin ta’ amministrazzjoni Laburista li kellu jġib investimenti kbar fis-settur tas-saħħa; iżda minnflok kien maħsub mill-bidu nett sabiex imur ħażin u jinganna lill-poplu kollu.