Internazzjonali

L-Iżlanda: Il-Prim Ministru tingħaqad man-nisa li qed jipprotestaw għal rikonoxximent xieraq

Il-Prim Ministru tal-Iżlanda, Katrín Jakobsdóttir, kienet fost għexieren ta’ eluf ta’ nisa Iżlandiżi li llum ma daħlux għax-xogħol bi protesta kontra l-inugwaljanzi fis-salarji tan-nisa kumparati ma’ tal-irġiel — kif ukoll fjr-rigward tal-vjolenza tal-irġiel fil-konfront tan-nisa.

Il-jum ta’ protesta ssejjaħ “kvennafrí”  u meta l-maġġoranza tan-nisa affettwati minn allegati sitwazzjonijiet inġusti jinkludu fost oħrajn ħaddiema fl-oqsma tas-saħħa u l-edukazzjoni.

Intant, din l-azzjoni kienet anki l-ewwel protesta – jew strajk – ta’ jum min-nisa Iżlandiżi mill-1975.

Dan ukoll waqt li n-nisa u persuni non-binary kienu mħeġġa biex jirrifjutaw ix-xogħol bi ħlas u fuq bażi volontarja – inklużi l-faċendi tad-dar – għal perjodu ta’ 24 siegħa.

Intant, numru ta’ skejjel primarji baqgħu magħluqin waqt li oħrajn ma provdewx is-servizzi tas-soltu b’konsegwenza tal-azzjoni li affettwat anki lill-mużewijiet, il-libreriji pubbliċi u kumplessi oħra.

Il-Prim Ministru  Jakobsdottir, qabel il-protesta, ħeġġet biex in-nisa l-oħra fil-Kabinett tal-Iżlanda wkoll joħorġu fuq strajk ta’ jum filwaqt li sostniet li l-Gvern tagħha qed jevalwa l-mod kif il-professjonijiet iddominati min-nisa qed ikunu valutati b’ paragun mal-oqsma li tradizzjonalment huma dominati mill-irġiel.