Lokali

Robert Abela jgħid li Steward “taw servizz”

Lanqas titwemmen. Surreali. Wara kundanna storika mill-Qorti, u wara 5 snin sħaħ gallarija…il-Prim Ministru issa qed jgħid li Steward Healthcare taw servizz lill-poplu Malti. Dan meta d-deċiżjoni fl-appell ikkonfermat li dan kien kuntratt imsewwes bil-frodi, u li l-Qorti iddikjaratu bħala null.

Id-deċiżjoni ta’ nhar it-Tnejn żvelat ukoll kif id-deal ma’ Vitals u Steward kien wieħed li sar b’kollużjoni; illi jfisser li kien hemm ħadma jew konfoffa ma’ membri tal-Gvern u uffiċjali pubbliċi. Iżda quddiem dan kollu, Robert Abela ma jrid iġorr ebda responsabbiltà politika.

Meta affacjat bid-domandi ta’ Net News, Robert Abela baqa’ ma kkommettiex ruħu li jġib lura l-€400 miljun li nsterqu b’dan id-deal frawdolenti u baqa’ sejjer lejn Kastilja daqs li kieku xejn mhu xejn, jinjora l-fatti li ħarġu mill-Qorti.

Intant, minkejja l-kundanna ċara tal-Qorti, il-Ministri u l-membri tal-Labour baqgħu jgħidu li l-Gvern …f’din l-istorja kollha….wera kemm kellu għal qalbu “l-interessi tan-nies”.