Raġel li 12-il sena ilu ta struzzjonijiet lil wieħed ivvizzjat tad-droga biex jagħti n-nar lill-bieb ta’ dar f’Ħal Qormi kien ikkundannat sitt snin u nofs ħabs wara li nstab ħati ta’ kompliċità fil-ħruq. Keith Camilleri sar magħruf dwar dan ir-reat snin wara l-inċident, meta l-kompliċi tiegħu kixfu mal-pulizija, li pprovdiet rendikont dettaljat tal-ġrajjiet ta’ dakinhar f’Awwissu tal-2011.
Iż-żewġt irġiel kienu ltaqgħu fiċ-ċentru tad-detox waqt li t-tnejn kellhom problemi bil-vizzju tad-droga. Aktar tard dakinhar waranofsinhar għall-ħabta tat-3.15 pm, kuntistabbli tal-pulizija stazzjonat Ħal Qormi lemaħ persuna tidħol wara purtiera tal-bambu mdendla barra l-bieb ta’ barra ta’ residenza privata fi Triq San Franġisk.
Il-persuna donnha kienet qed iżżomm xi tip ta’ drapp. Imbagħad f’daqqa waħda, il-purtiera spiċċat fi fjamma eżatt kif figura maskili ħarbet minn fuq il-post, bil-pulizija jiġru warajh. L-uffiċjal irnexxielu jaqbad lis-suspettat, Mario Martin Baldacchino, li kien ukoll fil-pussess ta’ lighter.
Huwa ġie arrestat u sussegwentement ġie mixli fuq ħruq. Baldacchino eventwalment instab ħati tar-reat u ngħata sentenza ta’ sitt snin ħabs. Baldacchino ta x’jifhem li kellu aktar xi jgħid lill-pulizija ftit wara l-arrest tiegħu, iżda semma biss lil Camilleri bħala l-persuna li ordna l-ħruq ħames snin wara l-fatt.
Baldacchino xehed kontra l-allegat moħħ wara li l-każ tiegħu ġie ffinalizzat u kien diġà qed jiskonta s-sentenza tiegħu. Huwa rrakkonta kif dakinhar, Camilleri kien offrielu lift għad-dar miċ-ċentru tad-detox u tul it-triq kien talbu biex jagħti n-nar lill-bieb ta’ residenza privata.
Camilleri saq ħdejn dik ir-residenza, indikaha lil Baldacchino u tah kontenitur tal-petrol qabel niżżlu fil-viċinanzi. Camilleri, imlaqqam ‘Ispirtu s-Santu’, kien wegħdu €500 bħala tpattija, iżda dawk il-flus qatt ma mmaterjalizzaw, spjega Baldacchino.
Camilleri kien “immanipulah” li dak iż-żmien kien jaf tajjeb ħafna dwar il-vizzju tad-droga li kellu. Peress li kien taħt l-influwenza tad-droga, ma setax jaħrab kif ġib u laħaq u kien għalhekk li l-uffiċjal tal-pulizija kien qabdu fil-fatt.
Il-verżjoni ta’ Baldacchino kienet meqjusa kredibbli mill-qorti li nnotat ukoll l-attitudni tiegħu fil-tribuna tax-xhieda, ir-rakkont tiegħu konsistenti kollu, sal-inqas dettall. Barra minn hekk, il-prosekuzzjoni kienet ipproduċiet provi ċirkostanzjali li komplew jikkorroboraw dik il-verżjoni tal-avvenimenti.
Ftit minuti qabel ma faqqa’ n-nirien, Camilleri kien involut f’ħabta tat-traffiku kilometru biss ‘il bogħod mix-xena tad-delitt. Esperti tal-Qorti rrappurtaw li l-ħsara fil-bieb kienet tammonta għal €1,600. Espert tal- ħruq ikkonferma li biċċa drapp imxarrba fil-fuel kienet ingħatat in-nar u tpoġġiet ħdejn il-bieb.
Fortunatament, peress li l-bieb kien reżistenti għan-nar, il-fjuwil ma kienx infiltra ġewwa u l-fjammi ma daħlux fid-dar. Fil-ħin tal-ħruq, it-tliet okkupanti tad-dar kienu fuq il-bejt ma’ żewġ ħaddiema. Il-prosekuzzjoni wriet ukoll lill-Qorti l-akkuża ta’ reċediv.
Camilleri għandu erba’ kundanni preċedenti li juru l-“ħajja ta’ kriminalità” li kien imdorri biha dak iż-żmien u ma tressqet l-ebda prova li turi li kien biddel triqtu, osservat il-qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello.
Meta qieset kollox il-qorti sabittu ħati ta’ kull akkuża ħlief għall-kompliċità fil-ħsara volontarja fuq proprjetà ta’ terzi u kkundannatu sitt snin u nofs ħabs. Il-Qorti poġġietu wkoll taħt ordni ta’ trażżin ta’ tliet snin u ordnatlu jrodd lura lill-vittmi €1600 fi żmien sitt xhur. L-Ispetturi Mario Xiberras u Jeffrey Scicluna mexxew il-prosekuzzjoni.