Mietu talanqas għaxra, b’numru ta’ nies jispiċċaw l-isptar għall-kura wara li mewġa ta’ ċpar oħxon – magħrufa bħala ‘super fog’ – tellfet kull ħjiel ta’ viżibbiltà bil-konsegwenza li madwar 160 karozza baqgħu deħlin f’xulxin.
L-inċident stoardinarju seħħ ftit ‘il hinn mill-belt ta’ New Orleans u fejn minbarra ċ-ċpar kien hemm anki d-dħaħen min-nirien li kienu qed jaqbdu qalb l-aħrax ta’ dik iz-zona u li kumplikaw aktar il-viżibbiltà għas-sewwieqa.
Intant, il-mejtin u l-midruba fl-inċident kienu mistennija jiżdiedu aktar ma jgħaddi l-ħin, bil-pulizija u awtoritajiet oħra jwettqu investigazzjoni dettaljata fl-inħawi tat-traġedja.
L-inċident seħħ f’Interstate 55 f’St John the Baptist Parish – u bil-konsegwenza li numru ta’ sewwieqa telqu jiġru f’paniku mill-karozzi li ħadu n-nar fost xeni ta’ tifrik fuq livell ‘apokalitiku’.
Ir-riżultat ta’ dan kollu kien serbut sħiħ u fit-tul ta’ karozzi mfarrkin u abbandunati fit-triq prinċipali li spiċċat magħluqa għal sigħat.
Numru ta’ nies li salvaw mill-inċident irrakkuntaw dwar il-ħsejjes ‘itarrxu’ tal-karozzi deħlin f’xulxin waqt sitwazzjoni kważi surreali li damet għal xi 30 minuta.
Is-servizzi meteoroliġiċi fi New Orleans ħarġu bit-terminu ‘super fog’ huma u jispjegaw dan il-fenomenu tat-temp – u fejn wissew lin-nies biex joqgħodu attenti, peress li kundizzjonijiet simili ( tat-temp) perikolużi kapaċi jfeġġu mill-ġdid sal-aħħar tal-ġimgħa.
//= $special ?>