Il-President tal-Parlament Ewropew u MEP tal-Partit Nazzjonalista Roberta Metsola qalet li biex Malta tibqa’ kompetittiva, l-konnettività hija essenzjali. Qalet li l-konnettività għandha titqies mill-aspett strateġiku, u mhux biss mil-lat kummerċjali. “Din taffettwa t-tip ta’ turiżmu li nattiraw, ma’ min nagħmlu negozju, il-kwalità tal-ħajja li rridu li jkollhom iċ-ċittadini tagħna.”
Waqt li kienet qed tindirizza l-konferenza Malta Future Realized organizzata minn EY fil-Belt Valletta, l-President Metsola qalet li f’dinja li dejjem qed tinbidel, kemm Malta kif ukoll l-Ewropa għandhom jiffokaw fuq kif jibqgħu kompetittivi. “Kif nistgħu noħolqu impjiegi b’aktar valur miżjud u futur b’dinjità. Kif nistgħu niżguraw li t-tranżizzjonijiet diġitali u ambjentali jagħmluha aktar faċli għall-kumpaniji tagħna biex iwasslu għal aktar innovazzjoni.”
Saħqet li r-risposta għal dan hija tkabbir ekonomiku, reali, sostenibbli.
Il-President tal-Parlament Ewropew u MEP għal Malta u Għawdex qalet li Malta u Għawdex huma ppreżentati b’opportunità tad-deheb. “Fil-qasam diġitali, l-ebda pajjiż mhu gżira. Bl-Ewropa fuq quddiem nett fejn tidħol l-innovazzjoni tal-Intelliġenza Artifiċjali, m’għandu jkun hemm xejn li jwaqqafna milli nservu ta’ eżempju ta’ dan l-avvanż għas-snin li ġejjin.”
Filwaqt li ffukat fuq kif Malta tista’ tkun kompetittiva matul is-snin li ġejjin, Roberta Metsola qalet li l-konnettività hija dik li biha “nistgħu ninċentivaw setturi ekonomiċi ġodda u ta’ valur miżjud ogħla. Kif nistgħu ninvestu fir-riċerka u fl-iżvilupp li se jpoġġuna fuq quddiem nett. Sistema edukattiva li tħejji lill-poplu tagħna għall-impjiegi ta’ għada. Kif nistgħu ntejbu l-infrastruttura tal-pajjiż, minn sistema tal-enerġija li tista’ taqdi lill-popolazzjoni tiegħu fi żmien ta’ diġitalizzazzjoni, għal pjan effettiv ta’ ġbir tal-iskart u sistema ta’ mmaniġġjar tat-traffiku li ma tagħmilx biss l-ivvjaġġar aktar effiċjenti iżda li ttaffi wkoll l-impatt tagħna fuq l-ambjent.”
Il-President Metsola qalet li kollox hu marbut ma’ investiment infrastrutturali u rieda politika. “Din hija viżjoni ta’ eċċellenza għal pajjiżna,” tenniet il-President Metsola.
“Għandna bżonn nerġgħu nimpenjaw ruħna biex nagħtu importanza kbira lill-kwalità. Il-medjokrità m’għandha l-ebda post fl-istrateġija tagħna għall-futur. Il-kredibbiltà hija l-pedament għal ekonomija b’saħħitha u pajjiż affidabbli – sieħeb ta’ fiduċja – fix-xena globali. L-eċċellenza trid tibqa’ l-uniku standard aċċettabbli.”
Il-President Metsola temmet b’appell: “Ejjew nirreżistu l-kumdità li nkunu ċiniċi. Ejjew nneħħu l-idea ta’ “kollox jgħaddi”. Ingħaqdu miegħi biex nimxu lejn livell ta’ eċċellenza għal pajjiżna. Għax dan huwa dak li se jagħmel l-Ewropa tagħna, l-gżejjer tagħna, aħjar mill-bqija.”
//= $special ?>