Fil-kamp tal-Gvern u tal-Partit Laburista bħalissa hemm inkwiet kbir maqsum fuq diversi livelli, iżda fis-sustanza tiegħu jista’ jinġabar f’argument wieħed biss… kulħadd qiegħed jipponta subgħajh lejn Robert Abela li qiegħed ifalli kemm fuq livell ta’ Gvern u anki fit-tmexxija tal-Partit.
Dak li ġara nhar it-Tnejn li għadda u li ilu antiċipat li se jiġri diversi ġimgħat qiegħed ikompli jagħmel ħsara kbira lil Robert Abela iżda ta’ madwaru llum qegħdin jirraġunaw li din il-ħsara mhix issir biss lil Robert Abela u tieqaf hemm. Din il-ħsara kbira qegħda ssir lill-Gvern Laburista u lill-Partit Laburista.
Dan anki fl-isfond ta’ tliet surveys li saru fl-aħħar ġimgħat – dak minn The Sunday Times of Malta, dak mill-Malta Today u dak tal-Ħadd li għadda f’It-Torċa minn Vincent Marmara – u li t-tlieta li huma ma jurux affarijiet sbieħ għall-Partit Laburista bil-Gvern ta’ Robert Abela litteralment hu akkużat li qiegħed jgħaffeġ u jieħdu deċiżjonijiet żbaljati.
Nhar it-Tnejn li għadda, fl-isfond antiċipat tas-sitwazzjoni li kienet se timmatura wara s-sentenza mill-Qorti tal-Appell, id-Deputat Mexxej Laburista Chris Fearne ħa l-briga li jivvinta skuża biex b’mod speċifiku u litteralment apposta ma jkunx spalla ma’ spalla ma’ Robert Abela u ma jidher miegħu mkien.
La fl-istqarrija maħruġa mid-Dipartiment tat-Tagħrif (DOI) filgħodu u wisq inqas u inqas filgħaxija waqt is-seduta parlamentari meta l-Parlament iddiskuta proprju din is-sentenza fuq talba tal-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech.
U Robert Abela fil-Parlament nhar it-Tnejn li għadda kien jidher tassew qiegħed iserraħ fuq forċi mnawwar hekk kif biswitu fuq il-lemin kien hemm il-Ministru Jonathan Attard li hu mdawwar b’diversi skandli u abbużi u fuq ix-xellug tiegħu l-Ministru Anzjan Michael Falzon li bħalissa hu inondat bl-iskandlu tal-benefiċċji soċjali fejn l-abbużi jammontaw għal mijiet ta’ eluf ta’ ewro minn fuq it-taxxi tal-poplu Malti u Għawdxi.
U Chris Fearne litteralment ma deher imkien… anki jekk fuq il-portal tal-Public Broadcasting Services (PBS) tpoġġa ritratt ta’ Robert Abela fil-Parlament jagħmel diskors u fuq il-lemin tiegħu, bilqegħda, jidher Chris Fearne! Qerq u qerq fl-aqwa tiegħu.
Nhar it-Tnejn li għadda Chris Fearne – li hu sigriet magħruf li mhux fuq l-istess binarji ta’ Robert Abela – fehem li anki jekk hu jmexxi d-dekasteru tas-Saħħa u s-sentenza tat-Tnejn tolqot lilu direttament ukoll għaliex finalment hu wkoll iddefenda lil Vitals Global Healthcare u lil Rum Tumuluri li kien jidher għall-istess kumpanija Amerikana, ma kellux għalfejn ikun f’pajjiżna… anki kellu jitbiegħed kemm jista’ ħalli f’dan il-free fall ta’ Robert Abela hu ma jiffigura mkien.
Dan hu l-istat li fih jinsab il-Gvern ta’ Robert Abela bħalissa bl-istess Robert Abela issa qiegħed ikun attakkar minn dawk il-Ministri li ma kellhomx x’jaqsmu mad-deal korrott, frawdalenti u maħmuġ li fasslu l-Eks Prim Ministru Joseph Muscat bl-għajnuna tal-Eks Ministri Korrotti Konrad Mizzi u Chris Cardona, li ma kienx jagħmel sens li Robert Abela jibqa’ jtawwal din is-saga meta l-eżiti naturali tagħha huma kontra l-Gvern Laburista.
//= $special ?>