Lokali

Gvern Nazzjonalista: garanzija ta’ servizz tas-saħħa li jixraqlek – PN

Jibni Sptar Ġenerali ġdid f’Għawdex la ma bnewhx Robert Abela, tal-Vitals u ta’ Steward

Gvern Nazzjonalista jinvesti fik u jagħtik garanzija ta’ servizz tas-saħħa li jixraqlek. F’Għawdex, jibni Sptar Ġenerali ġdid, la ma kienux kapaċi jibnuh il-Gvern ta’ Robert Abela flimkien mal-Vitals u Steward.

Dan kien il-messaġġ tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech matul konferenza tal-aħbarijiet li indirizza mad-Deputati Adrian Delia, Alex Borg u Chris Said quddiem l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, fejn fakkar kif fl-aħħar snin, baqa’ ma sar xejn minkejja l-miljuni ta’ ewro li l-Gvern ta minn flus il-poplu.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li mhux ta’ b’xejn li l-Qorti sabet li kien hemm ftehim b’konfoffa bejn il-Gvern u l-kumpaniji Vitals Global Healthcare u Steward Healthcare minn wara dahar kulħadd u biex jiggwadanjaw huma. Iżda minn dan il-ftehim spiċċa jinsteraq il-poplu kollu.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li meta xi ħadd iqaraq, jitressqu n-nies il-Qorti. Imma l-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà kkonferma li mhu se jagħmel xejn dwar dan il-każ u għalhekk, il-Partit Nazzjonalista jrid, mhux biss jikxef is-serq u l-qerq, imma anke jagħmel pressjoni fuq Angelo Gafà biex jagħmel xogħlu.

Min-naħa tiegħu, Adrian Delia qal li l-konferenza tal-aħbarijiet issejħet minn barra l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex biex kulħadd ikun jista’ jara x-xena ta’ delitt fil-konfront tal-poplu kollu. Hawn ukoll, kellhom isiru ħafna investimenti biex jitjieb is-servizz tas-saħħa. Madankollu, hawn sar biss serq. Kien għalhekk li hu stieden lil Robert Abela biex, meta jżur Għawdex, imur jaqta’ ż-żigarella ta’ dan il-falliment, li hu kompliċi għalih il-Gvern tiegħu stess.

Alex Borg qal li l-Għawdxin u l-Maltin għandhom dritt li jkollhom is-servizz tas-saħħa li jixirqilhom għax il-bniedem għandu d-dritt ikun f’saħħtu. Hu qal li l-poplu kollu għandu jingħaqad fl-insistenza biex il-flus li nsterqu minn dan il-frodi, jmorru lura għand il-poplu.

U Chris Said qal li l-Partit Nazzjonalista qal mill-bidu nett li din kienet l-akbar ħadma mill-Gvern tal-Labour fil-konfront tal-Għawdxin u l-Maltin, tant li mill-ewwel kien kontra dan id-deal. Illum, il-Partit Nazzjonalista ngħata raġun wara li l-Qorti kkonfermat li f’dan il-ftehim kien hemm involuti anke esponenti għoljin tal-Gvern.

Quddiem dan kollu, il-kelliema qalu li l-poplu Malti u Għawdxi kollu għandu jingħaqad mal-Partit Nazzjonalista fil-Protesta Nazzjonali tal-Ħadd li ġej, fl-4pm quddiem Kastilja, biex jappella lil Robert Abela jġib lura l-€400 miljun li ngħataw lil Vitals u Steward.